Home Newsbook Appell lill-Gvern biex jintervjeni dwar il-qbiela tal-għelieqi

Appell lill-Gvern biex jintervjeni dwar il-qbiela tal-għelieqi

3
0
SHARE
Advertisement

18-il għaqda mhux governattiva appellaw lill-Gvern biex jintervjeni u jgħin biex tinstab soluzzjoni immedjata dwar il-kwistjoni tal-qbiela tal-għelieqi.

Fi stqarrija konġunta, l-organizzazzjonijiet wissew li bdiewa li jaħdmu art privata qegħdin jaffaċċjaw theddid mingħajr preċedent. L-istqarrija saret wara d-deċiżjoni tal-Bord tal-Qbiela li jkeċċi lill-bdiewa minn art maħduma minnhom.

Il-ġimgħa l-oħra l-bord keċċa żewġt ibdiewa mill-għelieqi li kienu jaħdmu wara li kienu ilhom iħallsu l-qbiela minn qabel l-1995.

Nazzareno Pulis u Antonia Pulis, li l-familji tagħhom kienu ilhom iħallsu l-qbiela ta’ 5,000 metru kwadru ta’ art f’Ħaż-Żabbar lil J&C Properties għal numru ta’ snin ġew ordnati joħorġu mill-għelieqi tagħhom sal-aħħar tax-xahar.

L-aħħar ftehim li kien iffirmat kien fl-1983 li jgħid li l-bdiewa kellhom iħallsu Lm25 (€58,23) fis-sena kull 15 t’Awwissu.

Il-Qorti kienet diġà qalet li J&C properties kellhom id-dritt li jużaw il-propjetà tagħhom u ngħataw €100,000 f’kumpens għad-danni. L-ammont kien naqas għal €22,000 wara li sar l-appell.

Permezz ta’ din is-sentenza, il-bdiewa rrealizzaw li l-istess xorti tista’ tmiss lilhom.

Fi stqarrija t-18-il-organizzazzjoni qalu li din is-sitwazzjoni hija waħda ta’ periklu u tista’ twassal għal eżodu ta’ bdiewa b’impatt soċjali u ambjentali negattiv ħafna.

“B’konsegwenza, għexieren ta’ bdiewa se jispiċċaw jitilfu l-għajxien tagħhom filwaqt li l-art li jaħdmu se tispiċċa f’idejn min m’għandu l-ebda ħsieb jew għarfien li jaħdimha, u b’hekk tista’ tintuża għal skopijiet mhux neċessarjament agrikoli,” komplew l-organizzazzjonijiet.

Huwa komplew li l-Gvern ħareġ l-istrateġija tiegħu għal wara l-Covid-19 u fiha qal li hemm bżonn titjieb fis-sigurtà tal-ikel.

Huma spjegaw li, “huwa evidenti li l-prezzijiet tal-qbiela privati f’ċertu każijiet huma redikoli u allura tajjeb li wieħed jirrevedi tali prezzijiet biex is-sid ikun jista’ jiġi kkumpensat aħjar.” 

Komplew li l-qbiela m’għandhomx ikunu bbażati fuq il-valur tas-suq tal-art. “L-art agrikola għandha skop soċjali u ambjentali u allura l-valur tagħha m’għandux ikun determinat biss mill-prezzijiet kummerċjali tal-artijiet. L-iskop tal-art agrikola hija dik li tipproduċi l-ikel, prodott li jrid ikun aċċessibbli għal kulħadd u kompetittiv u allura l-marġini tal-profitti tal-produtturi ma jistgħu qatt jippermettu li jiġu mitluba kirjiet għoljin għax dawn ikunu ekonomikament projbittivi li jitħallsu fix-xenarju msemmi.”

Huma appellaw lill-Gvern biex jintervjeni b’mod urġenti sabiex tinstab soluzzjoni ta’ kompromess li tkun tagħmel sens għal kulħadd.

Il-ġimgħa l-oħra l-Partit Nazzjonalista ħeġġeġ li tittieħed azzjoni biex ikun salvat il-bidwi. Matul żjara li saret lill-bidwi fiż-Żejtun, il-PN tkellem dwar din il-kwistjoni u qal li huwa se jkun qiegħed iħabbar il-proposti tiegħu biex jindirizza din il-kwistjoni.

S’issa hemm 40 bidwi li jinsabu f’dan ir-riskju, jidher li n-numru mistenni jiżdied.

L-organizzazzjonijiet li ffirmaw din l-istqarrija huma:
  • Malta Youth in Agriculture Foundation
  • Għaqda Bdiewa Attivi
  • Farmers’ Central Coop Society Ltd.
  • Koperattiva Bdiewa Mġarr
  • Koperattiva Bdiewa Qormi u Għawdex
  • Koperattiva Bdiewa Żabbar
  • Koperattiva Bdiewa Rabat
  • Koperattiva Bdiewa Dingli
  • Koperattiva Bdiewa Siġġiewi u Ħaż-Żebbuġ
  • Koperattiva Bdiewa San Pawl il-Baħar
  • Malta Beekeepers Association
  • Għaqda Produtturi ta’ l-Għasel Malti
  • Breeds of Origin Conservancy
  • Koperattiva tat-Tadam għal-Ipproċessar Ltd
  • Koperattiva Produtturi tat-Tadam
  • Vitimalta
  • Xirka Produtturi Nagħaġ u Mogħoż
  • Malta Organic Agricultural Movement

Min se jkun l-aħħar bidwi?

Permezz ta’ stqarrija l-ADPD osserva li qed jiżdiedu in-numru ta’ sentenzi li permezz tagħhom il-Bord li jirregola l-qbiela qed jiżgombra bdiewa minn għelieqi li ilhom jaħdmu is-snin. 

Iċ-Chairperson ta’ ADPD Carmel Cacopardo qal li hu ċar li l-protezzjoni li kellhom il-bdiewa qed tikkrolla ftit ftit.

“Hemm bżonn intervent mill-Parlament biex jiġi stabilit mill-ġdid il-ħarsien tal-bdiewa li ilu jeżisti għal snin kbar. Il-biedja li diġa hi mgħattna ser tkompli tieħu daqqa l-isfel,” qal Cacopardo li spjega kif il-kampanja se tkompli tinqered, għax il-bdiewa li diġa’ naqsu ħafna issa se jaqilgħu id-daqqa tal-mewt.

The post Appell lill-Gvern biex jintervjeni dwar il-qbiela tal-għelieqi appeared first on Newsbook.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Newsbook

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here