Home Newsbook Rosianne Cutajar mitluba tagħti ftit anqas minn €45,000 li ħadet f’senserija

Rosianne Cutajar mitluba tagħti ftit anqas minn €45,000 li ħadet f’senserija

5
0
SHARE
Advertisement

Id-Deputat Parlamentari Rosianne Cutajar u persuna qrib tagħha qed jintalbu f’ittra uffiċjali ppreżentata fil-qorti l-Ħamis, biex bejniethom iħallsu €89,000 f’senserija fuq propjetà li kellu jixtru Yorgen Fenech fl-Imdina.

Is-sid ippreżenta ittra ġudizzjarja fejn talab lil Rosianne Cutajar u Charles Farrugia, magħruf bħala ‘it-Tikka’, jagħtu lura is-senserija ta’ €44,500 li kull wieħed kienu ħadu bħala sensara.

Green Eyes Limited u s-sid tagħha, Joseph Camilleri, qalu fl-ittra li l-bejgħ kien waqa’ minħabba li Yorgen Fenech kien arrestat u l-impenn li jsir il-bejgħ skada f’Novembru 2019.

Skont rapporti fuq il-midja lokali, din il-propjetà kienet se tinxtara għal madwar €3.1 miljun minn Yorgen Fenech, sid il-kumpanija 17 Black u l-allegat kompliċi fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Skond l-ittra ufficjali, għalkemm saru numru ta’ talbiet, kemm verbalment permezz tat-telefon kif ukoll permezz ta’ ittra bonarja mibgħuta f’Lulju tal-2019, Cutajar u Farrugia ma rritornawx il-flus.

L-ittra uffiċjali ntbagħtet biex ma tħalliex il-preskrizzjoni tiskatta peress li l-bejjiegħ jaf bil-proċeduri pendenti quddiem il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika kontra Cutajar dwar il-ħlas tas-senserija.

Is sid u l-kumpannija qalu li, f’dan l-istadju, mhux se jkomplu bir-rikors ġuramentat għar-rifużjoni tal-bilanċ tas-senserija imħallsha lil Cutajar u Farrugia biex  il-Kummissarju jkun jista’ jagħmel xogħlu “bla ostakli u b’mod seren.”

Minkejja dan, l-avukat tas-sid, Edward Debono, qal li jirriżervaw id-dritt li jippreżentaw proċeduri legali wara li l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ilesti l-investigazzjoni tiegħu, irrispettivament mill-eżitu.

The post Rosianne Cutajar mitluba tagħti ftit anqas minn €45,000 li ħadet f’senserija appeared first on Newsbook.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Newsbook

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here