Il-Kunsill Nutarili qed iħeġġeġ lill-pubbliku biex jipposponi minn jeddu kuntratti u atti nutarili mhux urġenti jew essenzjali.
Dan qalu l-Kunsill Nutarili fuq post fuq Facebook.
Fakkar kif in-nutara baqgħu u għadhom jagħtu servizzi essenzjali liċ-ċittadini u lin-negozji tul il-pandemija, minkejja r-riskju u kif in-nutara ma ngħatawx ħarsien jew għajnuna mill-awtoritajiet, b’differenza minn setturi oħra u minkejja talbiet repetuti.
B’hekk, fl-interess tas-saħħa tal-membri tal-Kulleġġ Nutarili u tal-partijiet preżenti għal atti Nutarili, biex jitnaqqas ir-riskju ta’ trasmissjoni u infezzjoni, il-Kunsill Nutarili qed iħeġġeġ lill-pubbliku in ġenerali sabiex:
- Jipposponi minn jeddu kuntratti u atti nutarili mhux urġenti jew essenzjali;
- Jitħarsu l-limiti permissibli mil-ligi ta’ nies preżenti għal atti nutarili skont il-post, u jingħataw prokuri fejn jista’ jkun;
- Jitħarsu dejjem il-protokolli ta’ iġjene u distanza indikati min-Nutar skont il-post;
- Jiġġeddu termini ta’ konvenji skont iċ-ċirkostanzi;
Il-Kunsill qal ukoll kif illi ħafna dipartimenti essenzjali għan-Nutara inkluż banek, jaħdmu bit-teleworking jew fuq bażi ta’ clusters, iż-żmien biex isiru riċerki, reġistrazzjonijiet u adempimenti oħra, u appuntamenti għal kuntratti ma’ banek jew żbank ta’ assi, se jkun itwal min-normal.
The post Ipposponu atti mhux essenzjali – Il-Kunsill Nutarili appeared first on Newsbook.
L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Newsbook