Home Newsbook Il-Kunsill Malti għall-Arti jħabbar in-nominati għall-Premju għall-Arti 2021

Il-Kunsill Malti għall-Arti jħabbar in-nominati għall-Premju għall-Arti 2021

6
0
SHARE
Advertisement

L-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Premju għall-Arti hija maħsuba sabiex tirrikonoxxi r-reżiljenza tas-setturi kulturali u kreattivi, fejn se tkun qed tiffoka fuq ix-xogħol mill-aqwa maħluq minn artisti u kreattivi waqt żmien ta’ sfidi u diffikultajiet kbar. 

Waqt li kien qiegħed jindirizza konferenza stampa li matulha tħabbru għaxar nominati għal żewġ premjijiet speċjali, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera rrikonoxxa lill-Premju għall-Arti bħala l-aktar avveniment artistiku prestiġjuż fil-kalendarju kulturali tagħna, peress li dan jiċċelebra l-kisbiet tas-setturi kulturali u kreattivi ta’ Malta. Il-Ministru Herrera qal, “Din is-sena, il-Premju għall-Arti jikseb rilevanza addizzjonali, hekk kif se jkun qed jiċċelebra r-reżiljenza tal-artisti kreattivi tagħna li minkejja l-isfidi baqgħu joħolqu, jinvolvu u jiddevertu.” Kompla jgħid li, “Dan huwa żmien kruċjali għas-settur biex jiġi ispirat u jaħdem b’mod kollettiv flimkien biex ikompli jikber u jagħti kontribut lejn is-soċjetà u l-ekonomija tagħna.”

Id-Direttur għall-Fondi u l-Istrateġija tal-Kunsill Malti għall-Arti Mary Ann Cauchi enfasizzat kif il-premjijiet jagħtu rikonoxximent lil individwi u organizzazzjonijiet li taw kontribut siewi fl-avvanz tas-setturi kulturali u kreattivi ta’ Malta. Is-Sinjura Cauchi żiedet tgħid li l-Kunsill Malti għall-Arti jinsab fuq ix-xwiek sabiex jiċċelebra lill-kreattivi, l-artisti u l-istaff tekniku lokali, li qegħdin jagħtu kontribut għaċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet. Din se tkun tassew ċelebrazzjoni tal-industrija tagħna u l-bosta operaturi tagħha. 

Waqt din ir-raba’ edizzjoni, in-nominati se jiġu rikonoxxuti mhux biss għall-kwalità tax-xogħol iżda anke għar-reżiljenza, l-approċċi innovattivi u l-isforzi tagħhom biex jinvolvu ruħhom mal-komunità minkejja l-isfidi li ġabet magħha l-pandemija tal-COVID-19. Bi ħsieb sabiex jiġu rikonoxxuti dawn il-kisbiet, din l-edizzjoni speċjali tal-Premju għall-Arti se tagħti żewġ premjijiet kompetittivi: L-Aqwa Inizjattiva waqt il-pandemija tal-COVID-19, u L-Aqwa Produzzjoni waqt il-pandemija tal-COVID-19. Barra minn hekk, se jingħataw ukoll erba’ unuri mhux kompetittivi: L-Unur għall-Karriera Artistika, L-Unur għall-Promoturi fl-Arti, L-Unur għall-Wirt Artistiku, u L-Unur għall-Ambaxxaturi fl-Arti li se jżommu t-titolu għal tliet snin. Ir-rebbieħ f’kull kategorija se jitħabbar fis-7 ta’ April 2021.

In-nominati għall-edizzjoni speċjali tal-Premju għall-Arti 2021 tħabbru f’ordni każwali. Għal-lista sħiħa tal-persuni nominati żuru s-sit tal-Premju għall-Arti.

Dan it-tagħrif twassal mid-Dipartiment tal-Informazzjoni.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet minn Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn

The post Il-Kunsill Malti għall-Arti jħabbar in-nominati għall-Premju għall-Arti 2021 appeared first on Newsbook.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Newsbook

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here