Home Newsbook Il-Kurċifiss favorit tal-Papa Franġisku

Il-Kurċifiss favorit tal-Papa Franġisku

4
0
SHARE
Advertisement

Meta Marc Chagall (1887-1985) pitter din il-Kruċifissjoni (magħrufa bħala Kruċifissjoni Bajda) kien baqa’ biss ftit xhur biex tfaqqa’ t-Tieni Gwerra. Din hija l-pittura tal-Kruċifissjoni favorita tal-Papa Franġisku.

F’din il-pittura, Chagall enfasizza l-identità Lhudija ta’ Ġesù billi libbsu x-xall tat-talb Lhudi (tallit) minflok id-drapp madwar qaddu; għamillu għata fuq rasu minflok il-kuruna tax-xewk; u minflok l-anġli daħħal erba’ patrijarki (waħda minnhom mara) itiru bi lbies tradizzjonali Lhudi.

Il-qerda li kienet qed isseħħ

Fuq kull naħa tas-salib Chagall wera l-qerda li kienet qed isseħħ. Fuq ix-xellug jidher raħal imġarraf u jinħaraq, b’refuġjati mġegħlin jaħarbu fuq dgħajsa. Isfel, fuq ix-xellug, jidhru tlett irġiel bid-daqna (wieħed minnhom bit-Torà f’idu) li qed jaħarbu wkoll. Fuq il-lemin tidher is-sinagoga qed taqbad (b’żewġ iljuni u l-kewkba ta’ David fuq il-bieb). Taħt tidher omm tfarraġ it-tarbija f’idejha.  

Meta rabat il-Kruċifissjoni ta’ Ġesù mal-persekuzzjoni tal-Lhud, Chagall kien qed jidentifika n-Nazi ma’ dawk li ttorturaw lil Ġesù.

Ħafna mill-pitturi ta’ Chagall huma mimlijin kuluri, imma l-“Kruċifissjoni Bajda” hija nieqsa ħafna mill-kulur. Chagall pittirha fl-1938 f’Pariġi, b’reazzjoni għall-ġrajjiet tal-biża’ li seħħew f’dik li baqgħet magħrufa bħala “Kristallnacht” (Il-Lejl tal-Ħġieġ Imkisser). Dak il-lejl ta’ bejn id-9 u l-10 ta’ Novembru 1938 seħħew atti vjolenti kbar kontra l-Lhud madwar il-Ġermanja u l-Awstrija bl-ordni ta’ Joseph Goebbels. Dakinhar inqabdu 30,000 Lhud u ttieħdu f’kampijiet ta’ konċentrament.

Il-figura liebsa l-aħdar

Il-figura liebsa l-aħdar li tidher taqsam minn naħa għal oħra tidher diversi drabi f’xogħlijiet oħra ta’ Chagall. Xi studjużi jgħidu li tissimbolizza lill-Profeta Elija, jew lill-poplu Lhudi tal-Ewropa Ċentrali li dejjem iduru minn post għal ieħor.

Chagall għamel żewġ bidliet mill-pittura oriġinali: l-iswastika fuq id is-suldat li qed jaħraq is-sinagoga ġiet miżbugħa, u l-kliem “Ich bin Jude” (Jien Lhudi) fuq it-tabella ma’ għonq l-anzjan liebes ikħal fuq ix-xellug tneħħa.

Tidher ukoll il-bandiera tal-Litwanja (safra, ħadra u ħamra; wara s-sinagoga, lemin, fuq) li tfakkar fl-għeruq Litwani ta’ Chagall. Fuq fix-xellug jidhru wkoll bnadar ħomor Komunisti.

Bqajna ma tgħallimna xejn mill-istorja. Ilbieraħ il-Lhud … illum l-immigranti li ħadd ma jrid, l-Uyghurs u l-Jażidi li kulħadd jinsa, l-Insara ppersegwitati li bilkemm nisimgħu dwarhom … u għada?

“Ġesù jibqa’ agunija sal-aħħar tad-dinja, u aħna sadattant ma rridux nibqgħu reqdin.” – Blaise Pascal

Tista’ tara l-verżjoni diġitali ta’ FLIMKIEN billi tagħfas hawn.

The post Il-Kurċifiss favorit tal-Papa Franġisku appeared first on Newsbook.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Newsbook

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here