L-għaqda Repubblika ppreżentat lill-President ta’ Malta George Vella position paper b’rabta mal-Konferenza dwar l-Għaqda Nazzjonali li ser issir is-Sibt li ġej.
Fl-ittra li l-NGO għaddiet lill-President ta’ Malta, qalet li f’demokrazija vera hu essenzjali li jkun hemm ċertu livell ta’ nuqqas ta’ qbil dwar il-fehmiet, l-opinjonijiet u l-għażliet, u li dan jingħad bi ftuħ, b’onestà u b’rispett lejn il-fehmiet differenti.
Repubblika qalet li hemm kwistjonijiet urġenti li jeħtieġu l-attenzjoni mingħajr dewmien u jekk dan ma jsirx mhux biss inkunu qed nittradixxu l-missjoni tagħna bħala organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili li titħabat kontinwament għas-saltna tad-dritt, għad-demokrazija, għad-drittijiet ċivili u għal-libertà tal-kelma, iżda nkunu qed nittradixxu wkoll lil pajjiżna, saħqet l-NGO.
Fil-position paper hemm spjegat il-lista ta’ kwistjonijiet ta’ prijorità skont l-NGO, fosthom;
- L-impunità li qed tgawdi l-kriminalità organizzata li firxet għeruqha u jidher li qed taħkem kull aspett ta’ ħajjitna f’Malta, inkluż il-politika, l-amministrazzjoni, l-istituzzjonijiet, il-midja, in-negozji u l-isports
- It-teħid tal-ispazji pubbliċi, il-qerda tal-ambjent naturali, it-tnawwir tal-kwalità tal-ħajja urbana, l-istupru tal-pajsaġġ Malti, u ż-żieda fit-tniġġis tal-ħamrija, talarja u tal-ilma, li lkoll isawru sfond għat-tibdil fil-klima
- Id-dominanza tal-attivitajiet etikament dubjużi fit-tessut ekonomiku ta’ pajjiżna b’dipendenza nazzjonali fuq l-evitar tat-taxxa, il-kompliċità fl-evażjoni tat-taxxa, il-logħob tal-azzard fuq l-internet, u l-kollaborazzjoni mal-attivitajiet dubjużi tassinjuruni billi nostrulhom l-identità tagħhom
- Il-falliment tal-Istat Malti milli jressaq quddiem il-ġustizzja lill-persuni konnessi mal-qtil ta’ ġurnalista, u jiżgura l-kundanna kriminali li ħaqqhom
- Ir-razziżmu sistematiku fil-politika pubblika, fl-amministrazzjoni pubblika u fiddeċiżjonijiet politiċi fil-konfront tal-migranti, l-aktar iżda mhux biss, l-Afrikani jew il-persuni ta’ dixxendenza Afrikana. Ħafna persuni li qed jgħixu fostna mhux jitħallew iħossuhom komdi jagħmlu pajjiżna d-dar tagħhom ukoll
- Iż-żieda fl-inugwaljanzi ekonomiċi b’aktar persuni esposti għar-riskju tal-faqar u wħud ibatu l-privazzjoni minn ħtiġijiet bażiċi, fosthom is-saqaf, l-ikel u lkundizzjonijiet sanitarji
- L-inugwaljanzi qed jkomplu jiggravaw bin-nepotiżmu u bil-klijenteliżmu li jieħdu post il-meritokrazija u l-korrettezza
“Ċertament li mhux kollox għandu din ix-xeħta, u jkollna waqtiet li jixhdu aġir eżemplari fejn jidħlu s-solidarjetà, il-fehim reċiproku u l-koeżjoni soċjali,” qalet Repubblika.
Madankollu qalet li tagħraf li teżisti attitudni kulturali fejn il-gwadann jisboq kull kunsiderazzjoni oħra: jiġi qabel il-korrettezza, qabel l-aċċess indaqs, u qabel is-sostenibbiltà ambjentali. Għalhekk semmit li b’mod urġenti l-pajjiż għandu jindirizza għadd ta’ kwistjonijiet ewlenin;
- ninfurzaw il-liġi mingħajr biża’ jew favur, b’mod proporzjonat mar-reat u mhux il-privileġġi li inġustament qed igawdu l-awturi tal-kriminalità
- inrażżnu l-kostruzzjoni u l-hekk imsejjaħ “żvilupp”, nixprunaw il-bidliet filkomportamenti ekonomiċi u personali, u nbiddlu mill-qiegħ l-ekonomija favur is-sostenibbiltà
- inħarsu l-ambjent naturali
- nittrasformaw l-ekonomija tagħna f’waħda msejsa fuq prinċipji etiċi sodi
- nassenjaw ir-responsabbiltà għall-kawżi u għat-twettiq tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, u għall-aġir wara dan l-assassinju
- niddefinixxu mill-ġdid is-sinifikat li nkunu Maltin, biex ninfetħu u nħaddnu lbidliet razzjali u kulturali li ġġib magħha l-migrazzjoni
- intejbu l-mekkaniżmu tad-demokrazija b’separazzjoni tal-poteri u billi niżguraw l-indipendenza tal-istituzzjonijiet
- insaħħu l-ħidma tal-Istat Malti li tirristruttura l-qafas tagħna għal solidarjetà soċjali u ekonomika u benesseri għal kulħadd
“Jekk nagħlqu għajnejna għal dawn il-problemi, jew saħansitra nipposponu d-dover tagħna bħala komunità li naffaċċjawhom flimkien, inkunu qed niżguraw li nibqgħu nkarkru bihom b’mod indefinit u neqirdu għal dejjem il-koeżjoni tas-soċjetà tagħna li din ilkonferenza għandha l-għan li treġġa’ lura,” spjegat l-NGO.
The post Repubblika b’Position Paper dwar il-Konferenza għall-Għaqda Nazzjonali appeared first on Newsbook.
L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Newsbook