Home Newsbook Filmat: “Nibnu soċjetà ta’ għożża u solidarjetà” – L-Isqfijiet

Filmat: “Nibnu soċjetà ta’ għożża u solidarjetà” – L-Isqfijiet

4
0
SHARE
Advertisement

L-appell biex nibnu soċjetà li hi bbażata fuq is-solidarjetà u l-għożża hu l-aspett prinċipali tal-Ittra Pastorali li ppubblikaw l-Arċisqof Charles J Scicluna, l-Isqof t’Għawdex Anton Teuma u l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi, għall-perjodu tar-Randan. Dan l-appell hu bbażat wkoll fuq l-enċiklika tal-Papa Franġisku bit-titlu ‘Fratelli Tutti’ jew aħjar ‘Kollha Aħwa’.

Għal matul dan ir-Randan, u ssemmiet fl-Ittra Pastorali, l-Isqfijiet qed jitolbu għall-protezzjoni ta’ San Ġużepp u l-interċessjoni tiegħu biex matul din is-sena jgħin lilna lkoll biex inkunu strumenti ta’ għożża u solidarjetà fis-soċjetà Maltija.

Persuni fil-periferija jew skartati

“Qabel xejn, għandna f’qalbna dawk il-persuni li jħossuhom emarġinati jew huma fil-periferija, li huma kultant vittmi ta’ dik li l-Papa jsejjaħ ‘il-kultura tal-iskart’ ”. Hawn l-Isqfijiet għamlu referenza għall-pandemija tal-COVID-19 fejn ħarġet aktar fid-deher kemm hawn persuni li jħossuhom iżolati u waħedhom, jew b’sens ta’ vojt kbir f’ħajjithom.

Isemmu wkoll kif matul dan iż-żmien żdiedu l-problemi ta’ saħħa mentali u ta’ tbatija fir-relazzjonijiet u li quddiem din ir-realtà, nistgħu jew nibqgħu għaddejjin u ma nagħtux każ, jew nieqfu biex ngħinu.

“Aħna rridu nsellmu lil tant persuni li qegħdin juru għożża u solidarjetà b’mod konkret ma’ dawn il-persuni vulnerabbli. Huma jfakkruna kemm hu importanti li nisimgħu l-għajta ta’ dawk li qegħdin ibatu, imma wkoll il-karba siekta ta’ dawk li qed ibatu waħedhom,” qalu l-Isqfijiet.

L-Ittra Pastorali tagħmel referenza għal dak li l-Papa Franġisku kontinwament ifakkarna li għandna nisimgħu l-karba ta’ dawk il-persuni li qed ifittxu kenn għax qed jaħarbu minn kriżijiet umanitarji serji, nisimgħu l-istejjer tal-ħajjiet imċarrta tagħhom, u noffru ambjent fejn iħossuhom milqugħa, imħarsa, imwieżna u integrati.

Negħlbu l-virus tal-individwaliżmu

Biex negħlbu dan il-virus, tal-individwaliżmu, l-Isqfijiet ta’ Malta jispjegaw li aħna rridu nkunu tassew miftuħin għall-imħabba ta’ Alla u naqsmuha mal-oħrajn, ngħixu l-fraternità li tfisser li nixtiequ minn qalbna l-ġid lil xulxin u ma nħarsux lejn l-oħrajn bħala avversarji, imma bħala aħwa, għaliex insibu l-milja tagħna mhux meta ningħalqu fina nfusna u nduru magħna nfusna, imma meta ningħataw għall-oħrajn.

Hawn ukoll issir referenza għal kliem il-Papa Franġisku li jagħmlilna sejħa biex naħdmu favur ix-xewqa dinjija ta’ fraternità, li tibda mill-għarfien li aħna lkoll aħwa. Il-Papa juri kif is-soċjetà globalizzata, filwaqt li ħafna drabi tqarribna lejn xulxin, ma tagħmilniex aħwa.

Djalogu

Id-djalogu hu t-triq li biha tinbena l-ħbiberija soċjali, meta nħarsu lejn xulxin bħal aħwa u inkunu nistgħu naħdmu flimkien. Dan il-punt wkoll ġie spjega fl-Ittra Pastorali fejn jingħad li d-djalogu jirrispetta, isaħħaħ u jfittex il-verità.

“Jgħinna biex noqorbu lejn xulxin, inħarsu lejn xulxin, nisimgħu lil xulxin, nagħrfu ngħixu dak li l-Papa Franġisku jsejjaħ “l-arti tas-smigħ” tal-oħrajn. Id-djalogu jgħinna nesprimu ruħna b’rispett u nagħtu l-kontribut tagħna bla biża’. Persuna li tiddjaloga b’ġentilezza taf tirrispetta tassew lill-ieħor jew lill-oħra.”

Jingħad anke li d-djalogu jgħinna nifhmu kif l-oħrajn li huma differenti minna huma don u għana, għax id-differenzi jirrappreżentaw possibbiltà biex nikbru flimkien.

Infejqu l-ġrieħi

Aħna u niddjalogaw irridu naffaċċjaw ir-realtà tal-ġrieħi li kultant inġorru individwalment u bħala soċjetà. Hemm ġrieħi li nġorru fina u fir-relazzjonijet personali. Hemm ġrieħi wkoll fil-ħajja pubblika u fil-ħajja tal-komunitajiet tagħna.

Dwar dan l-Isqfijiet semmew eżempji; it-tribaliżmu, ir-razziżmu, il-mibegħda, il-vjolenza domestika, it-tkissir tal-familji, l-użura, l-abbuż mill-akoħol u d-droga, ir-regħba, l-użu ħażin tal-poter, u wkoll it-tkerrih tal-wirt naturali tagħna.

L-Isqfijiet appellaw sabiex naħdmu ħalli nfejqu l-ġrieħi u biex dan nagħmluh bi spirtu ta’ maħfra.

Iżda xi tfisser il-maħfra? “Il-maħfra ma tfissirx li ninsew jew li nħallu dak li għaddejna minnu midfun fina, jew li nibqgħu ċassi quddiem dak li hu ħażin u inġust. Il-maħfra ma tfissirx impunità. Il-maħfra tfisser li ma nħallux l-esperjenza ħażina li għaddejna minnha torbotna bi ktajjen u tikkundizzjonana. Il-maħfra tgħinna noħorġu miċ-ċirku vizzjuż tal-vendetta, waqt li nkomplu naħdmu bis-sħiħ għal dak li hu ġust u sewwa,” saħqu l-Isqfijiet.

F’dan il-kuntest saret referenza għall-enċiklika Fratelli Tutti li tistedinna għal imħabba li tkisser il-ktajjen, mhux toħloq ktajjen ġodda, u li tibni pontijiet u mhux ħitan.

Inħarsu l-ħajja

Appell ieħor li jingħadda fl-Ittra Pastorali hu li l-spirtu ta’ għożża u solidarjetà hemm bżonn li naħdmu aktar bis-sħiħ għal kultura li tirrispetta l-ħajja u d-dinjità ta’ kull bniedem. “Kull ħajja umana hija prezzjuża, maħluqa xbieha ta’ Alla. Hija din il-protezzjoni tal-ħajja umana mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha sat-tmiem naturali tagħha, u f’kull waqt tagħha, li hi l-pedament ta’ kultura ta’ rispett lejn id-drittijiet ta’ kull bniedem. Dawk vulnerabbli u dgħajfa jeħtieġu aktar attenzjoni u kura. Ħadd m’hu żejjed, ħadd qatt ma għandu jiġi eliminat,” saħqu l-Isqfijiet.

San Ġużepp – ispirazzjoni mill-isbaħ

Lejn l-aħħar tal-Ittra Pastorali għall-perjodu tar-Randan jiġi spjegat kif fil-ħidma tagħna għal soċjetà ta’ għożża u solidarjetà, għandna eżempju mill-isbaħ f’San Ġużepp, li l-Papa Franġisku ried li jkun ta’ ispirazzjoni għalina b’mod speċjali f’din is-sena ddedikata lilu.

San Ġużepp hu l-bniedem li għadda minn mumenti ta’ kriżi u ta’ tbatija, fosthom it-tfittxija ta’ kenn barra minn artu mal-familja tiegħu refuġjata. “Imma lil San Ġużepp insibuh dejjem b’fiduċja kbira f’Alla, mimli mħabba u ħlewwa lejn l-oħrajn u sensittività lejn il-ħtiġijiet tagħhom. Hu l-bniedem li jisma’ u li fl-istess waqt jieħu azzjoni b’kuraġġ biex jipproteġi l-ħajja ta’ Marija, u ta’ Ġesù, ukoll qabel it-twelid. San Ġużepp jurina kif tkun il-qalb ta’ missier,” temmew jgħidu l-Isqfijiet.

L-Ittra Pastorali bil-Lingwa tas-Sinjali Maltija

The post Filmat: “Nibnu soċjetà ta’ għożża u solidarjetà” – L-Isqfijiet appeared first on Newsbook.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Newsbook

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here