Home Kullħadd “L-2020 l-aqwa sena bl-akbar domanda” – sid ta’ kumpanija tal-għamara

“L-2020 l-aqwa sena bl-akbar domanda” – sid ta’ kumpanija tal-għamara

10
0
SHARE
Advertisement

Is-sena 2020 kienet l-aqwa waħda bl-akbar domanda għall-kumpanija Grixti Mobili, li ilha taħdem f’pajjiżna għal dawn l-aħħar 47 sena.

Dan huwa dak li qalilna wieħed mid-diretturi tal-kumpanija, Aldo Grixti, waqt żjara li għamel fil-fabbrika tal-għamara l-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija, Silvio Schembri.

Id-direttur tal-kumpanija spjega li s-sena tal-pandemija żiedet id-domanda għaliex iktar nies ħassewhom kunfidenti jinvestu f’darhom.

Is-Sur Grixti stqarr, “Ħadmet favurina għall-fatt li n-nies ma sifrux, qattgħu ħafna ħin iktar id-dar, u flok investew f’safra, investew fid-dar tagħhom. Xi ħaġa li tgħin ukoll li peress li l-Malti huwa l-owner tad-dar tiegħu għax il-persentaġġ kbir tal-poplu Malti għandu l-owndership tad-dar, mhux ħa jiddejjaq jinvesti għax meta bniedem jikri mhux ħa jibdillek kċina imma jekk int għandek id-dar tiegħek, tagħmel kuraġġ li tibdilha kċina.”

Minn tliet persuni, din il-kumpanija llum tħaddem tnejn u għoxrin ruħ u qed taspira li tkompli żżid u tħarreġ l-impjegati.

Fl-aħħar tliet snin, il-kumpanija għamlet investiment ta’ miljun u mitejn elf ewro biex espandiet il-faċilitajiet tagħha, grazzi għal għajnuna mill-entità tal-Gvern INDIS Malta.

Seba’ mitt elf minn dan l-investiment sar f’apparat teknoloġiku modern li wassal lill-kumpanija biex iżżid l-effiċjenza u l-produttività.

Id-Direttur tal-kumpanija sostna, “Dal-aħħar snin, bis-saħħa tal-għajnuna kbira li sibna min-naħa tal-Gvern, stajna nieħdu dil-estensjoni tal-fabbrika, stajna nixtru iktar makkinarju, il-makkinarju itejjiblek il-prodott u b’hekk tkun tista’ timxi ’l quddiem.”

Il-Ministru Silvio Schembri nnota li l-Gvern qed jagħti appoġġ sħiħ lis-settur tan-negozji tal-familji Maltin, li anke f’nofs pandemija qed jirnexxilhom iżommu posthom fin-negozju u f’xi każi anke jkomplu bl-investiment għal tkabbir.

Il-Ministru Schembri stqarr, “Li huwa inkoraġġanti meta tara s-saħħa u r-reżiljenza tal-ekonomija Maltija fejn din il-fabbrika fil-perjodu tal-COVID eżempju kellha żieda kbira fid-domanda, kif qalulna huma stess, is-sena li għaddiet kienet l-aqwa sena tagħhom f’dan is-settur. Dan ma jfissirx li m’hemmx kumpaniji li għaddejjin mit-tbatija imma qed naraw is-saħħa tal-ekonomija Maltija li hija diversifikata.”

Il-Ministru ħeġġeġ lil dawk interessati fis-snajja’ biex ma jibżgħux jersqu lejn dawn it-tip ta’ impjiegi, hekk kif in-natura tax-xogħol qed issir dejjem iktar iffukata fuq it-tħaddim tat-teknoloġija diġitali.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Kullħadd

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here