Home Kullħadd L-isfidi komuni fiċ-Ċentru tal-Mediterran diskussi waqt iż-żjara f’Malta tal-Ministru għad-Difiża Libjan

L-isfidi komuni fiċ-Ċentru tal-Mediterran diskussi waqt iż-żjara f’Malta tal-Ministru għad-Difiża Libjan

36
0
SHARE
Advertisement

Il-Ministru għall-Intern, Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri laqa’ lill-Ministru għad-Difiża Libjan Salahedin Namroush għal żjara uffiċjali f’Malta.

It-taħditiet bilaterali bejn id-delegazzjonijiet miż-żewġ pajjiżi ffukaw fuq sfidi komuni fiċ-Ċentru tal-Mediterran, b’mod speċjali l-irwoli li jaqdu l-forzi armati taż-żewġ pajjiżi fil-ġlieda kontra l-kriminalità u l-ħarsien tal-fruntieri. Filwaqt li ġiet rikonoxxuta l-ħidma kbira li qed tagħmel il-Gwardja tal-Kosta Libjana sabiex tikkontrolla l-immigrazzjoni irregolari, ġew diskussi temi oħra ta’ interess fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà.

Permezz ta’ dawn id-diskussjonijiet, il-Gvern Malti esprima d-disponibbiltà tiegħu li jassisti l-awtoritajiet Libjani fit-tisħiħ tar-riżorsi tagħhom. Dan jgħodd l-aktar fejn jidħlu l-qsim ta’ kompetenza, għajnuna loġistika u t-taħriġ ta’ uffiċjali f’oqsma bħal-liġi marittima u l-kordinament ta’ tiftix u salvataġġ.

Il-Ministru Byron Camilleri ddeksriva din il-kollaborazzjoni bħala mezz kif il-Libja tqum fuq saqajha u tkun wieħed mill-aktar imsieħba strateġiċi fil-Mediterran. Huwa żied jgħid li l-awtoritajiet fiż-żewġ pajjiżi jgawdu relazzjonijiet speċjali bejniethom. Din ir-relazzjoni hija mibnija fuq rispett reċiproku u impenn onest biex jiġu indirizzati dawk il-kwistjonijiet li qed jolqtu direttament liż-żewġ pajjiżi ġirien.

Id-delegazzjoni Libjana żaret l-iskwadra marittima u l-iskwadra tal-ajru tal-Forzi Armati ta’ Malta f’Xatt it-Tiben u fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, fejn setgħu jaraw mill-qrib il-ħidma tal-forzi tal-ordni tal-pajjiż.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Kullħadd

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here