Home Kullħadd “Jien mhu se ngħatti għal ħadd u l-ħaqq irid isir skont is-sewwa”...

“Jien mhu se ngħatti għal ħadd u l-ħaqq irid isir skont is-sewwa” – il-PM

33
0
SHARE
Advertisement

Waqt il-programm XTRA fuq ix-xandir nazzjonali, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem fuq diversi temi li jmissu magħhom iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin fosthom is-saħħa.

Qal kif pajjiżna, bħal kwalunkwe pajjiż fid-dinja ntlaqat minn pandemija iżda għal kuntrarju ta’ pajjiżi oħra, f’Malta n-nies baqgħu jsibu x-xogħol.

Qal kif “Malli nidejna l-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika, immedjatament, jiġifieri mill-5 ta’ Ġunju, hemmhekk bdejna naraw mill-ewwel tnaqqis fir-rata ta’ qgħad. F’medda ta’ tlieta, erba’ xhur niżżilna l-qgħad waqt il-pandemija, il-pandemija għadha għaddejja, b’elf u mitejn ruħ.”

Dr. Abela semma kif filwaqt li fl-2012 kien hemm ħamsin proġett ta’ investiment, illum għandna ‘l fuq mid-doppju, bejn proġetti lokali u dawk ta’ investiment dirett barrani.

Saħaq li rridu nkomplu nibnu fuq il-ħolqien ta’ niċeċ ġodda fosthom dak tal-avjazzjoni.

Spjega kif ħaddieħor qed ibeżża’ bit-test tal-Moneyval, iżda l-Prim Ministru qal li dan it-test se ngħadduh u se nkomplu nsaħħu s-settur tas-servizzi finanzjarji.

F’dan il-kuntest, fil-programm, il-Prim Ministru semma kif saru bidliet mingħajr wisq terremoti.

Il-Prim Ministru qal li ħaddieħor ħadha kontra n-negozjanti li jqallgħu l-għajxien lill-eluf ta’ familji tal-ħaddiema.

Qal li, “Dak id-daqqiet ta’ negattiviżmu fuq il-komunità tan-negozju għalxiex? Fuq il-pajjiż għalxiex? Għalxiex dak in-negattiviżmu?”

Mistoqsi jekk rax bidla, qal kif “Fl-istil ta’ politika, le. Id-diskors illi għamel Bernard Grech, l-istil ta’ politika li qed jirrappreżenta, jiena kont qed nittama li jkun hemm bidla fl-istil ta’ politika imma mhux talli ma kienx hemm bidla talli l-istil mexa għal dak li kien hemm qabel l-2017.”

Il-preżentatur Saviour Balzan staqsa wkoll lill-Prim Ministru dwar l-immigrazzjoni, b’Dr. Robert Abela jfakkar li f’nofs pandemija u fil-kunflitt imdemmi huwa mar il-Libja, minn fejn kien ġej l-influss ta’ immigranti lejn l-Ewropa.

Qal li, “Is-soluzzjonijiet, iktar milli fl-Ewropa jinstabu milli inti twaqqaf it-tluq tad-dgħajjes mil-Libja. Hemmhekk aħna issa fuq livell Ewropew qed ngħidu ejja nagħmlu sforz kordinat għax fl-aħħar mill-aħħar il-problema mhiex ta’ Malta. Hija problema ta’ Malta, hija problema tal-Italja, bħala l-iktar stati viċini tal-Libja imma imbagħad x’jiġri? Se jkollok pressjonijiet awtomatikament fuq stati Ewropej.”

Il-Prim Ministru tenna l-pożizzjoni ċara ta’ pajjiżna, li ma nifilħux għal iżjed piż ta’ immigranti.

Spjega li, “Pereżempju t-tluq mill-Marokk, fejn jitilqu u mhumiex intitolati għall-ażil. Mela hemmhekk ukoll il-mekkaniżmu ta’ returns irid ikun wieħed b’saħħtu, effettiv u ħdimna ħafna fuqu. Aħna rilokazzjoni u returns li ħdimna wkoll. Imma wkoll il-punt irid ikun li ma nifilħux iżjed piż migratorju fuq pajjiżna.”

Il-Prim Ministru mess ukoll mat-tema ambjentali u qal kif dan il-Gvern qed jaħdem fuq il-park nazzjonali u proġetti t’afforestazzjoni.

Qal li l-ambjent huwa ta’ prijorità għal Gvern immexxi minnu.

Qal li, “Iva r-risposta hija b’mod ċar, l-ambjent huwa ta’ prijorità għal pajjiżna. Baħar aktar nadif. Għandna l-baħar li mhuwiex nadif biżżejjed, plastics li tarahom floating f’wiċċ il-baħar. Mhux biss il-kampanja, il-kampanja, il-baħar, il-bajjiet. Dan li rridu nippriservaw għax fl-aħħar mill-aħħar aħna meta ħa nitkellmu l-legat li se nħallu lit-tfal tagħna, l-ambjent huwa ta’ prijorità. Jekk mhux se nħallulhom l-ambjent, se nħallulhom biss konkrit lit-tfal tagħna, hemmhekk se nkunu għamilna żball gravi.”

Dwar l-inkjesta pubblika fuq il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, il-Prim Ministru rrimarka li skont it-termini maqbula, din l-inkjesta trid tiġi konkluża sa xahrejn oħra.

Il-Prim Ministru saħaq li l-ħaqq irid isir skont is-sewwa.

Mistoqsi dwar responsabiltajiet politiċi li jintrefgħu wara rapporti ta’ laqgħat minn x’wħud mas-suspettat mandant fil-qtil ta’ Caruana Galizia, il-Prim Ministru kien ċar.
Spjega li, “U żgur li jista’ jkun l-iktar persuna viċin tiegħi fil-politika, fil-professjoni, f’kwalunkwe settur tal-ħajja, jiena m’hi se ngħatti għal ħadd. Dak għamiltha ċara minn Jannar li għadda l-pożizzjoni tiegħi, anzi minn qabel Jannar, jien mhu se ngħatti għal ħadd. Jiena se niddeċiedi skont dak li ġejt elett biex nagħmel, biex isir is-sewwa.”

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Kullħadd

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here