Home Kullħadd Il-vittma kien lissen isem l-akkużat li nstab f’għadira demm wara daqqiet ta’...

Il-vittma kien lissen isem l-akkużat li nstab f’għadira demm wara daqqiet ta’ sikkina

10
0
SHARE
Advertisement

F’awla 2 kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Elliot Paul Busuttil li qed ikun akkużat bl-attentat ta’ qtil b’daqqiet ta’ sikkina f’Ta’ Qali. Il-Pulizija Graziella Zammit spjegat kif nhar it-13 ta’ Awissu ta’ din is-sena kienet l-għassa tal-Ħamrun meta ġiet infurmata li daħlet telefonata fil-kamra tal-kontroll li kien hemm raġel mixħut mal-art fil-parkeġġ ta’ ħdejn il-grawnd nazzjonali. Hija kienet diġà infurmata li kien hemm żewġ pulizija oħra diġà fuq il-post u li wieħed minnhom kien pajżan.

Xħin wasslet il-vittma kien diġà ttieħed l-isptar u bdiet minnufih tippreserva x-xena tar-reat. Hija infurmawha li l-vittma kien lissen l-isem ta’ Elliot minn Ħ’Attard u hemmhekk telqet lejn ir-residenza tal-imputat fejn sabet pulizija oħra li diġà kienu qed jippreservaw l-evidenza li seta’ kien hemm fir-residenza.

Il-Pulizija Karol Spiteri spjega kif l-Assistent Kummissarju Martin Sammut kien għarfu bil-każ dakinhar u sar jaf li l-Pulizija kienet qed tfittex lil ċertu Elliot Paul Bussuttil. Ftit wara l-Ispettur Keith Arnaud talbu jagħmel search ġewwa Ta’ Qali. Spjega li fuq il-post sab karozza tat-tip Opel Astra Bajda ġo passaġġ qrib ix-xena tar-reat. Stqarr kif pulizija ieħor sab papoċċa qrib il-karozza. Qal kif ftit wara ġo dustbin fil-qrib raw ċaruta bajda u ġo fiha kien qisu hemm manku. Xħin ġiet elevata qal kif sabu sikkina b’mannara tal-laħam.

Stqarr kif il-vettura kellha bieba tan-naħa ta’ quddiem tal-passiġġier miftuħa. Qal li marru wkoll f’residenza fl-akwati ta’ Santa Katarina f’Ħ’Attard fejn hemmhekk kienet diġà saret tfittxija mill-Pulizija.

Il-Pulizija Emerson Borg spjega kif fit-13 ta’ Awissu ta’ filgħaxija spjega kif huwa nbagħat Mater Dei fejn il-vittma kienet qed issirlu CT scan u kien fil-periklu tal-mewt. Qal kif kienu tawh mobile tal-vittma li mbagħad għaddieh lill-Pulizija li daħal xogħol warajh u kien qallu li dak il-mobile kellu jinġabar mis-CID. Huwa spjega wkoll kif huwa ra l-vittma mgħottija b’liżar u ħafna demm ħiereġ.

Waqt din is-seduta ġie trattat ukoll ir-rikors tal-ħelsien mill-arrest. L-Avukat Difensur stqarr li sa issa d-difiża ma kinitx talbet għall-ħelsien mill-arrest minħabba l-gravità tal-akkużi. Madankollu, stqarr li issa l-ħelsien mill-arrest ma jistax ma jingħatax bħala retribuzzjoni fuq l-akkużat minħabba s-serjetà tal-akkużi. Stqarr li hemm bosta difiżi x’jistgħu jingħataw meta wieħed jara l-atti. Dan filwaqt li l-għażla li tibqa’ ma ttellax lix-xhieda pajżana biex jixhed hija waħda li ħadet il-Prosekuzzjoni u li issa ma tistax tingħata bħala raġuni għaliex l-akkużat ma jingħatax il-ħelsien mill-arrest. Il-Prosekuzzjoni stqarret li l-vittma għadu mhux fi stat ta’ saħħa tajjeb biex jixhed. Il-Prosekuzzjoni nnotat ukoll li l-akkużat huwa riċediv u għalhekk ma jistax jitqies affidabbli.

Il-Qorti staqsiet jekk hemmx xi ċertifikat mediku li juri li l-vittma ma jistax jitla’ jixhed iżda l-Ispettur qalet li dan m’għandhiex iżda l-vittma ma felaħx jimxi biex jidħol l-għassa meta kien mgħajjat biex ikun mitkellem.

Il-Qorti ħalliet il-kawża għat-8 ta’ Ottubru fid-disgħa ta’ filgħodu u talbet lill-Prosekuzzjoni biex iressqu lill-allegat vittma sabiex jixhed fil-proċeduri. Fin-nuqqas ta’ dan irid ikun preżentat ċertifikat ieħor filwaqt li jkun preżentat ċertifikat anke għas-seduta tal-lum. Il-Qorti ser tkun qed tiddeċiedi dwar il-ħelsien mill-arrest fis-seduta li jmiss.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Kullħadd

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here