Home Kullħadd F’laqgħa ma’ Charles Michel il-PM Robert Abela jgħid li Malta ma tiflaħx...

F’laqgħa ma’ Charles Michel il-PM Robert Abela jgħid li Malta ma tiflaħx aktar immigranti

8
0
SHARE
Advertisement

Il-Prim Ministru Robert Abela laqa’ f’Kastilja lill-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel.

Flimkien idduskutew żewġ suġġetti ewlenin – l-immigrazzjoni u l-governanza tajba.

Dwar l-immigrazzjoni, il-Prim Ministru qal li xena ta’ dgħajjes mil-Libja resqin lejn Malta hija realtà li pajjiżna jaffaċċja kuljum.

Bi pjaċir innota dak li qalet il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula Von Der Leyen dalgħodu u laqa’ l-fatt li s-suġġett qed jerġa’ jkun fuq l-aġenda tal-ogħla istituzzjonijiet fl-Unjoni Ewropea.

Il-Prim Ministru kien ċar. Pajjiżna ma jiflaħx aktar immigranti. Qal li n-numru ta’ immigranti li ġew rilokati fl-aħħar jiem huwa tajjeb imma mhux biżżejjed.

Innota li m’hemmx soluzzjoni ħolistika għal din il-kriżi allura qed ikun hemm approach ad hoc għal kull dgħajsa li tersaq lejn Malta.

Semma l-bastiment Etienne Maersk u nnota li fuqu kien hemm 27 immigrant. Qal li kieku kull stat membru qabel li jieħu immigrant wieħed biss, il-kwistjoni kienet tissolva, imma minflok ħallewhom għal jiem sħaħ bejn sema u ilma.

Il-Prim Ministru nnota li fl-aħħar xhur, il-Libjani ħarġu b’aktar soluzzjonijiet mill-Unjoni Ewropea.

B’ton skjett, il-Prim Ministru qal li s-soluzzjoni mhix li nirċievu aktar flus biex nakkomodaw aktar immigranti imma għandna bżonn soluzzjoni fit-tul. Hu temm li jemmen li jekk l-istati membri kollha jingħaqdu flimkien, tinstab soluzzjoni.

Dwar il-governanza t-tajba, il-Prim Ministru Robert Abela qal li kif anki rrikonoxxiet il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula Von Der Leyen, fl-aħħar xhur sar progress kbir.

Qal li l-intenzjoni f’Jannar meta ħa t-tmun tal-pajjiż, kienet li tissaħħaħ l-indipendenza tal-ġudikatura f’pajjiżna u li jissaħħu l-istituzzjonijiet.

Semma l-progress li sar fejn jidħlu r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja, minkejja li kien hemm ċertu limitazzjonijiet minħabba l-imxija. Qal li minn dejjem emmen li dawn kellhom jiġu implimentati għax jemmen li s-saltna tad-dritt hija l-bażi tad-demokrazija moderna.

Il-Prim Ministru qal li dawn mhumiex bidliet kożmetiċi imma bidliet li jmorru verament fil-qalba tas-sistema tradizzjonali ta’ pajjiżna.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Kullħadd

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here