Home Kullħadd Il-Kummissjoni Ewropea tappoġġja l-proġett ta’ Malta li se jiġġenera l-enerġija mill-iskart

Il-Kummissjoni Ewropea tappoġġja l-proġett ta’ Malta li se jiġġenera l-enerġija mill-iskart

6
0
SHARE
Advertisement

Il-pjanijiet biex pajjiżna jkollu faċilitajiet li minnhom jiġġenera l-enerġija mill-iskart għandhom il-barka wkoll tal-Kummissjoni Ewropea. Fi kliemha, l-impjant se jkollu rwol importanti fl-ekonomija ċirkolari. Dan ikkonfermatu l-Kummissjoni Ewropea fi tweġiba għal-mistoqsija fil-Parlament Ewropew dwar jekk il-faċilitajiet li se jinbnew f’pajjiżna humiex konformi mal-għanijiet tal-ekonomija ċirkolari.

Iċ-Chairman tal-Wasteserv, Richard Bilocca spjega kif il-Kummissjoni Ewropea nnutat li permezz ta’ din is-sistema ser ikun evitat li l-iskart li ma jistax jiġi riċiklat imur fil-landfill.

“Il-kummissjoni kkonfermat illi ‘Iva’ dawn l-impjanti jaqgħu fil-qafas ta’ ekonomija ċirkolari u iktar minn hekk huma essenzjali għaliex dan l-impjant ser ikun qed jippermetti lill-pajjiż li l-iskart li ma jistax jiġi rriċiklat flok jintrema jiġi mdawwar f’riżorsa.  Jiġifieri dan l-iskart sal-lum qed jieħu spazju fil-miżbliet fil-landfills tagħna u permezz ta’ dan l-impjant tal-waste-to-energy, dan l-iskart ser ikun qed jiddawwar f’enerġija elettrika.”

Is-Sur Bilocca spjega kif bħalissa bord maħtur apposta jinsab għaddej b’ħidma sabiex jixtarr is-sittax-il applikazzjoni li ġew sottomessi  għall-impjant ta’ ġenerazzjoni t’enerġija mill-iskart.

“Bħalissa għaddej proċess metikoluż ħafna ta’ aġudikazzjoni.  Hemm bord li qed jara l-offerti kollha li daħlu, l-offerti kienu voluminużi, kien hemm numru kbir, u dan huwa xogħol li jrid isir bi preċiżjoni, jieħu l-ħin tiegħu u ovjament għaddej bil-pass meqjus illi għandu jgħaddi.”

Huwa stqarr li dan l-proġett ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija mill-iskart, ser isir fi tliet impjanti oħra b’investiment ta’ ‘il fuq minn nofs biljun ewro. Investiment li ser jara lil pajjiżna jiġbor kull riżorsa possibli mill-iskart iġġenerat.

L-impjant huwa mistenni li jibda jopera lejn tmiem l-elfejn tlieta u għoxrin u l-art li se tkun qed tintuża biex isir dan l-investiment se tkun qed titnaqqas b’mod drastiku wara li l-Gvern sema t-tħassib tal-familji li jgħixu jew li għandhom art agrikola fl-inħawi tal-Magħtab u b’hekk se jkun inqas minn terz tal-medda ta’ art li se tintuża mill-proġett propost oriġinarjament.

Filfatt, dan il-proġett ser isir fuq medda ta’ tnejn u tmenin elf metru kwadru ta’ art, u mhux mitejn disgħa u sebgħin elf metru kwadru.

 

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Kullħadd

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here