Home Kullħadd Pjan għall-ekonomija sostenibbli li tiggarantixi futur – ekonomista dwar il-viżjoni tal-PM 

Pjan għall-ekonomija sostenibbli li tiggarantixi futur – ekonomista dwar il-viżjoni tal-PM 

8
0
SHARE
Advertisement

Il-viżjoni ekonomika mħabbra mill-Prim Ministru Robert Abela t-Tlieta filgħodu waqt laqgħa tal-Kabinett fil-Kamra tal-Kummerċ hija waħda li ser twassal għal ekonomija iżjed sostenibbli u li taddatta għal-isfidi u għat-tibdil tal-futur.

Hekk stqarr l-ekonomista, Philip Von Brockdorff dwar il-ħames prinċipji li fuqhom ser tkun imsejsa l-viżjoni ekonomika tal-Gvern għas-snin li ġejjin.  Viżjoni msejsa fuq l-Governanza t-tajba, t-tkabbir ekonomiku bi kwalità aħjar għall-Maltin u l-Għawdxin, l-edukazzjoni, titjib infrastrutturali u l-mira li pajjiżna jkun ħieles mit-tniġġis tal-karbonju sas-sena elfejn u ħamsin.

Dr Von Brockdoff qal: “Hemm xi ħaġa li hija komuni għall-ħames punti jew ħames pilastri biex ngħid hekk li huwa l-aspett ta’ ekonomija sostenibbli. Jiġifieri biex inti jkollok ekonomija sostenibbli, jrid ikollok ekonomija soċjali, jiġifieri allura tinvesti fil-qasam soċjali, irid ikollok ekonomija li tinvesti ħafna u ħafna fir-riżorsi umani.”

Huwa rrifletta dwar l-importanza tal-pilastru tal-edukazzjoni f’din il-viżjoni fi żmien fejn l-ekonomija qed tinbidel. Stqarr li dan ikun investiment fiż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin fi żmien fejn l-ekonomija globalment qed tinbidel b’ritmu mgħaġġel ħafna.

Dr Von Brockdorff: “Għandek ekonomija qed tinbidel b’rittmu mgħaġġel ħafna speċjalment fil-qafas ta’ ekonomija diġitali, allura l-ħtieġa allura li nħejju ż-żgħażagħ tagħna biex ovvjament isibu impjiegi u kif ukoll jaffaċċjaw realtà ġdida illi biex ngħid hekk ser tkun magħna u diġà qiegħda magħna, iżda żgur li ser tkompli tkun ta’ importanza kbira għall-ekonomija tagħna.”

Stqarr li dawn il-prinċipji isibu bilanċ tajjeb u joffru futur sostenibbli għall-ekonomija.  Dan hekk kif irrefera għall-miri ambizzjużi ambjentali li huma parti minn din il-viżjoni ekonomika tal-Gvern.

Dr Von Brockdorff kompla jispjega: “Naturalment hemm l-aspett ambjentali wkoll u allura marbuta magħha l-kwalità ta’ ħajja. Again, naħseb dik hija marbuta wkoll mal-fondi Ewropej għall-Green Deal jiġifieri, li ser ikun hemm miljuni ta’ fondi li jintużaw propjament biex isir investiment fil-qasam ambjentali biex innaqqsu l-carbon footprint f’pajjiżna, imma wkoll inkunu aktar effiċjenti.”

L-ekonomista Philip Bon Brockdorff spjega li f’dan iż-żmien fejn il-pandemija ġabet element ta’ inċertezza, huwa importanti li pajjiżna jkollu viżjoni li tħares lejn il-futur fit-tul biex ikompli jingħelbu l-isfidi.   

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Kullħadd

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here