Home Kullħadd Omm Yorgen Fenech tikkonfronta lil Jason Azzopardi dwar jekk qattx iltaqa’ ma’...

Omm Yorgen Fenech tikkonfronta lil Jason Azzopardi dwar jekk qattx iltaqa’ ma’ binha

5
0
SHARE
Advertisement

Omm is-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech, ikkonfrontat lid-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi dwar jekk dan qattx iltaqax ma’ binha.

Fuq facebook, Patricia Fenech ikkummentat għad-dikjarazzjonijiet li beda jagħmel fuq facebook stess, Jason Azzopardi meta b’ittri kbar saħaq li huwa qatt f’ħajtu ma’ ltaqa’ ma’ Yorgen Fenech.

Huwa saħaq li jiġġieled lil Yorgen Fenech il-Qorti.

Madankollu ftit wara weġbitu Patricia Fenech, omm Yorgen Fenech innifsu u staqsietu, “Dr. Azzopardi inti żgur?”

Żiedet tgħid li qed tissuspetta li dan l-aħħar il-memorja ta’ Jason Azzopardi mhux qed ittih.

“Allura qed tgħid li qatt f’ħajtek ma ltqajt ma’ ibni? Aħseb sew dottore”, qaltlu omm Yorgen Fenech.

F’kitba oħra ftit wara, omm is-suspettat mandant fil-qtil ta’ Caruana Galizia tgħid lil Jason Azzopardi, “U ħlift ukoll?”

Żiedet tgħid li miskin min jemmen lil Jason Azzopardi u b’ittri kbar qalet li hi tafu aħjar lil Jason Azzopardi u Azzopardi stess jaf lilha aħjar.

Intant filwaqt li Jason Azzopardi wieġeb lil oħrajn, fejn ħalef li qatt ma ltaqa’ ma’ Fenech, sa issa lil omm Fenech, Jason Azzopardi ma weġibhiex.

Fl-aħħar jiem żdiedu l-mistoqsijiet dwar ir-relazzjoni ta’ Jason Azzopardi mas-suspettat mandant fil-qtil ta’ Caruana Galizia.

Il-kummentatur politiku Dr. Simon Mercieca staqsa jekk id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi hux id-deputat li kien juża l-faċilitajiet tal-lukanda ta’ Yorgen Fenech.

Ix-xahar li għadda l-whip tal-gvern Glenn Bedingfield għamel numru ta’ mistoqsijiet fil-Parlament dwar rabtiet li kellhom deputati Nazzjonalisti man-negozjant Yorgen Fenech.

Fosthom saqsa min hu d-deputat Nazzjonalista li sa ftit taż-żmien ilu kien imur jittallab lil Yorgen Fenech biex jagħtih kamra fil-lukanda lussuża tal-Hilton u kien jorganizza festini għand in-negozjant.

Dr Mercieca staqsa jekk dan id-deputat kienx Jason Azzopardi.

Permezz tal-avukat Edward De Bono, esponent qrib l-fazzjoni Busuttil, f’isem Jason Azzopardi ntqal li Jason Azzopardi qatt ma mar fil-lukanda ta’ Fenech wara Novembru elfejn u tmintax, x-xahar li fih sar magħruf li l-kumpanija 17 Black hija ta’ Yorgen Fenech.

Madankollu f’din l-ittra, Jason Azzopardi mkien ma qal jekk qattx mar il-lukanda ta’ Fenech, qabel Novembru elfejn u tmintax.

L-avukat ta’ Azzopardi talab lil Simon Mercieca ineħħi l-kumment li għamel fuq Azzopardi, filwaqt li qal li Jason Azzopardi qatt ma ltaqa’ u qatt ma kkomunika ma’ Yorgen Fenech.

Intant, Simon Mercieca reġa’ għamel mistoqsija oħra dwar Jason Azzopardi.

Staqsa jekk Jason Azzopardi qattx ħa rigali mingħand kumpanija ta’ Yorgen Fenech biex jiffinanzja parti mill-kampanja elettorali tiegħu.

Aqra wkoll:

Jason Azzopardi jaħlef li qatt ma ltaqa’ ma’ Yorgen Fenech

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Kullħadd

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here