Home Kullħadd ARA: L-inkwiet fil-PN jiddomina l-editorjali

ARA: L-inkwiet fil-PN jiddomina l-editorjali

9
0
SHARE
Advertisement

Il-gazzetti tal-Ħadd, kif mistenni kienu ddominati mill-gwerra qalila li kompliet taħkem lill-Partit Nazzjonalista fl-aħħar jiem.

Fil-paġni ta’ ġewwa, l-editorjali kollha ffukaw fuq din il-ġlieda bejn iż-żewġ fazzjonijiet.

Il-gazzetta KullĦadd qalet li dak li ġara dil-ġimgħa huwa r-riżultat tal-konsenturi li kienu ilhom li bdew jidhru snin twal. Qalet li persuni bħal Louis Galea u oħrajn li kien hemm min pinġiehom bħala s-salvazzjoni għall-inkwiet huma propju l-problemi li spiċċaw jifgaw il-ġejjieni tal-Partit Nazzjonalista.

L-editur tal-Illum qal li dan l-inkwiet kien ilu ġej. Filwaqt li l-gazzetta qalet li taħt Adrian Delia r-riżultati elettorali komplew imorru l-baħar, Delia naqas milli joffri Oppożizzjoni magħquda u kredibbli. Semmiet ukoll li Delia beda mill-allegazzjonijiet li daħħal flus f’Jersey ġejjin mill-prostituzzjoni, liema akkużi m’għenuhx jirbaħ il-fiduċja tal-membri parlamentari. Ma’ din l-allegazzjoni żdiedet ukoll l-allegazzjoni ta’ relazzjoni mill-qrib mas-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech.

Il-gazzetta tixħet il-ħtija ta’ dan l-inkwiet ukoll f’ħoġor il-fazzjoni Busuttil, li fi kliema naqset milli tħaddan l-idea li ħadd ma huwa ikbar mill-partit.

Intant bit-titlu Delia has to stop destroying PN, it-Times tgħid li l-inqas ħaġa li Delia għandu jagħmel hija li jmur għal tellieqa miftuħa ġdida għal Kap Nazzjonalista. Dan filwaqt li l-editorjal jagħmel elenku sħiħ għall-iżbalji li għamel Delia fl-aħħar tliet snin.

Il-MaltaToday tenniet il-fehma tagħha li Delia jwarrab minn Kap Nazzjonalista. Semmiet li dak li ġara matul l-aħħar tliet snin u b’mod partikolari din il-ġimgħa huma eżempji ċari għalfejn dan għandu jwarrab.

Qalet li filwaqt li l-ebusija tar-ras ta’ Delia żiedet il-popolarità tiegħu ma’ dawk li jriduh, dan qed isir għas-skapitu ta’ pajjiż, li għandu bżonn Oppożizzjoni b’saħħitha.

“Delia ma jista’ qatt jassigura din it-tip ta’ Oppożizzjoni”, semmiet il-gazzetta.

Il-Malta Independent qalet li kull ġurnata li Adrian Delia ma jaċċettax ir-realtà qed jitfa’ lill-partit f’Tal-Pietà u lill-pajjiż f’xifer l-irdum, hekk kif pajjiżna għandu bżonn Oppożizzjoni effettiva.

L-editur tal-Independent semma kif għaddejja farsa fil-Partit Nazzjonalista.

Intant il-gazzetta tal-Partit Nazzjonalista, il-Mumemnt ddedikat partijiet mill-editorjal tagħha sabiex iddoqq id-diska tal-Kap u titfa l-botti u tattakka lid-deputati li sfiduċjaw lil Adrian Delia.

Il-Mument akkużat lill-fazzjoni Busuttil b’nuqqas ta’ kalma u maturità politika, filwaqt li qalet li s-soluzzjoni għall-inkwiet qalil fil-Partit Nazzjonalista mhix fl-għaġla.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Kullħadd

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here