Home Net News Jekk infallu l-eżami tal-Moneyval eluf ta’ impjiegi jkunu f’periklu li jintilfu

Jekk infallu l-eżami tal-Moneyval eluf ta’ impjiegi jkunu f’periklu li jintilfu

3
0
SHARE
Advertisement

“F’daż-żmien delikat għal pajjiżna bil-kriżi tal-pandemija li qed tħalli riperkussjonijiet fuq l-ekonomija tagħna ma nistgħux infallu fl-eżami importanti tal-Moneyval u nispiċċaw blacklisted bi ħsara kbira għall-ekonomija u l-impjiegi. Robert Abela jrid jiddeċiedi hux se jibqa’ jipproteġi lil min għamel il-ħsara lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna jew l-aqwa interess ta’ uliedna.”, hekk qal il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia waqt konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi Mario de Marco.

Adrian Delia qal li qegħdin f’mument f’pajjiżna fejn qed naraw li l-esperti kollha qegħdin jgħidulna li l-ekonomija se tkun qed taqla’ daqqa u qed jintilfu l-impjiegi, fejn rridu nbiddlu l-ekonomija taghna sabiex noffru opportunitajiet ġodda u allura iktar minn qatt qabel irridu nifhmu li ma nistghux infallu fl-eżami tal-Moneyval, u rridu nsewwu l-ħsara li saret lir-reputazzjoni, u dan mhux biss bl-emendi iżda wkoll b’tibdil fl-attitudni. Huwa qal li iżda l-Gvern għażel is-silenzju u l-ħabi u lest li jkompli jirriskja l-futur ta’ pajjiżna u jpoġġi fil-periklu x-xogħol ta eluf ta’ ħaddiema. Il-Gvern mhux qed ikun trasparenti u lanqas jagħti ċ-ċertezza li l-affarijiet se jsiru b’mod differenti meta Robert Abela jaħtar lil Joseph Muscat bħala konsulent ekonomiku,

Adrian Delia  qal li Robert Abela jrid jiddieċiedi għalfejn ma’ sar xejn fil-konfront ta’ persuni li għamlu ħsara kbira lir-reputazzjoni ta’ pajiżna bħall-eks Ministru Konrad Mizzi li kien wara kuntratti li seraq lill-nies u għadu maħrub minn pajjiżna, Karl Cini li ssemma’ fl-inkjesti u Nexia BT li għadhom joperaw, jingħataw iktar kuntratti mill-Gvern u liċenzja biex jaħdmu fil-cryptocurrency. Adrian Delia qal li qal li l-Oppożizzjoni offriet is-suġġerimenti kif pajjiżna jista’ jibda jirranġa u jssaħħaħ l-istituzzjonijiet, u l-PN ppubblika l-proposti tiegħu fuq ir-riformi Kostituzzjonali wara r-rapport tal-Kummissjoni Venezja u ppubblika wkoll l-10 pilastri kif l-ekonomija ta’ pajjiżna tista’ timxi ‘l quddiem wara l-pandemija tal-COVID-19.

Mario de Marco qal li ċ-ċanfira tal-Moneyval ma ġietx mix-xejn iżda wara sensiela ta’ skandli politiċi b’rabta qawwija ta’ korruzzjoni li baqgħu ma ġewx indirizzati, n-nuqqas ċar ta’ rieda li naġixxu bis-serjeta’ kontra l-ħasil ta’ flus u l-ħtif tal-istituzzjonijiet mill-Gvern. Huwa qal li r-rapport tal-Moneyval jesponi li pajjiżna mhux ippreparat biex jiġġieled il-ħasil tal-flus u l-awtoritajiet ftit juru rieda li jinvestigaw biex iwasslu għall-ġustizzja lil min hu kkonċernat. Tant li kien hemm dubji dwar in-nuqqas ta’ azzjoni mill-Pulizija li jinvestigaw lil Konrad Mizzi u  Keith Schembri. Dan kollu ta daqqa ta’ ħarta lil snin twal biex nibnu ġurisdizzjoni finanzjarja ta’ reputazzjoni tajba u b’riperkussjonijiet fuq diversi kumpaniji ġenwini.

Mario de Marco qal li l-Gvern għandu jindirizza t-twissijiet internazzjonali malajr kemm jista’ jkun, għax is-settur tas-servizzi finanzjarji huwa pilastru tal-ekonomija li jipprovdi għal 6% tal-valur miżjud u jħaddem aktar minn 12,000 persuna, kważi 5% tal-impjiegi. Huwa qal li ma nistgħux nippermettu li dan is-settur jiġi affetwat minħabba nuqqasijiet tal-Gvern lil hinn mill-kriżi ekonomika kurrenti. Minkejja li diġà għaddew seba’ xhur mit-terminu ta’ sena tal-Moneyval biex nirranġaw s-sitwazzjoni fil-qasam tal-ħasil ta’ flus, il-Fond Monetarju Internazzjonali reġa’ wissa li jekk pajjiżna se jibqa’ ma jindirizzax in-nuqqasijiet deskritti bħala notevoli, dan se jkun ta’ theddida għall-istabbilita’ finanzjarja ta’ pajjiżna u b’impatt fuq l-ekonomija u l-impjiegi. X’qed jagħmel il-Gvern biex jindirizza dan kollu meta fadal ftit xhur għall-eżami. Mario de Marco qal li għalhekk l-Oppożizzjoni qed tappella lill-Gvern biex:

– Jiġu determinati l-azzjonijiet li jridu jittieħdu biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet identifikat mill-Moneyval.

– Issaħħaħ b’mod serju u mhux partiġġjan ir-riżors uman meħtieġ biex intejbu l-kapaċita’ tar-regolaturi u tal-istituzzjonijiet tagħna.

– Jagħti l-awtonomija meħtieġa lir-regolaturi biex ikunu verament indipendenti fl-investigazzjonijiet u azzjonijiet li jittieħdu u m’hux dipendenti fuq il-Gvern.

– Ikun viċin l-istakeholders ġenwini u jfassal pjan ta’ azzjoni u viżjoni għall-futur tas-settur finanzjarju.

– Ikun trasparenti fid-diskussjonijiet u l-miżuri li qed jittieħdu biex in-nuqqasijiet identifikati mill-Moneyval jiġu indirizzat bla dewmien.

Dan mument fejn irridu nimxu bħala pajjiż wieħed, u għalhekk il-Gvern irid jitkellem u juri lill-poplu x’qiegħed isir għax il-poplu, iktar u iktar f’dan iż-żmien ta’ inċertezza ekonomika, jrid u jistħoqqlu s-serħan tal-moħħ.

The post Jekk infallu l-eżami tal-Moneyval eluf ta’ impjiegi jkunu f’periklu li jintilfu appeared first on NETnews.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Net News

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here