Home Newsbook “Morru l-Italja, aħna għandna l-coronavirus” – L-AFM lill-immigranti

“Morru l-Italja, aħna għandna l-coronavirus” – L-AFM lill-immigranti

13
0
SHARE
Advertisement

Investigazzjoni konġunta bejn is-sit tal-midja Kattolika
Taljana L’AVVENIRE u l-ġurnal Ingliż The Guardian qed tallega li l-Forzi Armati
ta’ Malta l-ewwel heddet lill-immigranti abbord dgħajsa fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ
Maltija li kienet se toħodhom lura l-Libja, imbagħad għadditilhom il-petrol u
magna biex imorru l-Italja.

Intant, il-kmamar tal-aħbarijiet ipproduċew
ukoll filmat li jissapportja l-istorja tagħhom. L-NGO Alarm Phone tkellmet
ukoll dwar il-każ.

L-ebda risposta mill-Gvern

Fil-filmat ippubblikat minn L’AVVENIRE u vverifikat indipendentament jidher bastiment tal-AFM isalpa qalb immigranti li qabżu fil-baħar sabiex jevitaw milli jintbagħtu lura fiċ-ċentri ta’ detenzjoni fil-Libja. Fil-filmat jidhru wkoll l-għoljiet tal-kosta tal-punent ta’ Malta fl-isfond tal-bastiment. Xena li ġġiegħlek taħseb li huwa impossibbli li dan l-avveniment ma seħħx fl-ibħra nazzjonali. Newsbook.com.mt staqsa lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru jekk hux se jkun hemm reazzjoni uffiċjali għal dawn l-allegazzjonijiet serji. S’issa għadha ma waslet l-ebda risposta dwar dan, minkejja li l-messaġġ wasal u nqara mill-kelliem għall-Gvern.

“Din id-darba hemm il-filmati”

L’AVVENIRE kitbet kif, “din id-darba hemm
il-filmati, hemm ir-ritratti u hemm ukoll dikjarazzjonijiet minn dawk li
salvaw. Saret ukoll verifikazzjoni tal-informazzjoni ma’ dak li stajna niksbu
min-naħa tal-Libja sal-port ta’ Pozzallo.”

Intant, il-ġurnal The Guardian spjega kif immigranti rrakkuntaw li ngħataw ġkieket tas-salvataġġ, magna ġdida u petrol u ntlabu jieħdu rotta lejn l-Italja. Qalu li mbagħad il-membri tal-ekwipaġġ tal-AFM ippuntaw l-armi tan-nar lejhom u qalulhom li kellhom 30 minuta biex jitilqu għal triqithom. Dan l-inċident irrakkuntah immigrant li tkellem mal-ġurnal mal-wasla tiegħu f’Pozzallo.

X’ġara f’dan il-każ?

Il-filmat juri ħidma ta’ salvataġġ li tinvolvi
dingi li kellu abbord 101 persuni. Dawn l-istess persuni li ntalbu jmorru lejn
l-Italja f’dgħajsa li l-anqas kellha biżżejjed petrol biex tasal sa Sqallija.
Huma kellhom jivvjaġġaw f’baħar imqalleb u li kien fond mal-1,500 metru. B’xi
mod jew ieħor, huma waslu f’Pozzallo. Dan kien l-unika dingi li rnexxielu jasal
f’Pozzallo minn erba’ tat-tip. Wieħed minnhom kien intbagħat lura l-Libja, każ
li kien irrappurtat minn Newsbook.com.mt. Bħalissa il-Maġistrat Joe
Mifsud qed jinvestiga lill-Prim Ministru u l-Forzi Armati ta’ Malta dwar jekk
in-nuqqas ta’ aġir tagħhom wassalx għall-mewt ta’ 12-il persuna.

Is-Sindku ta’ Pozzallo qal lill-ġurnali barranin li din saret strateġija ġdida tat-traffikanti umani: li joħorġu lill-immigranti fuq il-baħar permezz ta’ dgħajsa kbira. Dawn imbagħad jiġu trasferiti fuq dgħajjes iżgħar meta jkunu bejn sema u ilma. Is-sindku qal li qatt ma kien ra dingi tat-tip li jirnexxielu jibqa’ sħiħ aktar minn 100 siegħa f’baħar imqalleb.

“Malta għandha l-coronavirus”

Mal-wasla tagħhom fi Sqallija, l-immigranti
tpoġġew fi kwarantina mandatorja hekk kif din id-dgħajsa waslet fil-qalba tal-pandemija
tal-coronavirus. L-immigranti rrakkuntaw kif meta telqu mil-Libja, raw dgħajjes
kbar imma dawn qatt ma resqu lejhom. Qal li raw lil Malta fil-qrib u kulħadd
kien ferħan. Qalu li bastiment b’bandiera Torka resaq lejhom u xi ħadd mill-ekwipaġġ
tkellem permezz ta’ megaphone u qalilhom li kienu laħqu l-ibħra territorjali
Maltin. Semmew kif l-istess bastiment imbagħad bagħat dgħajsa li resqet aktar
viċin tagħhom.

Il-persuni abbord il-bastiment qalulhom biex
ikomplu deħlin għal 30 minuta oħra u jroddu rwieħhom b’idejhom. Huma talbu
lill-bastiment jgħinhom imma dan irrifjuta l-għajnuna. Qalu li mbagħad ġiet dgħajsa
bajda li tagħthom il-ġkieket tas-salvataġġ.

Qalu li meta l-Forzi Armati ta’ Malta resqu lejhom
heddewhom li kienu se jisparaw fuqhom jekk ma jirritornawx lejn il-Libja. Ħafna
minnhom spiċċaw qabżu l-baħar għax ma ridux jerġgħu jmorru lura. Qalu li setgħu
jaraw il-kosta Maltija.

Huma spjegaw kif membri tal-AFM qalu lill-immigranti
li bħalissa Malta għandha l-virus jismu coronavirus u li kulħadd huwa marid.
Qalulhom li Malta hija żgħira u li ma jistgħux isalvawhom kollha.

“Morru l-Italja”

Spjegaw kif il-Forzi Armati ta’ Malta tawhom
il-ġkieket tas-salvataġġ, magna ġdida, petrol u qalulhom jaqbdu r-rotta lejn
l-Italja. Qalu li dawn ippuntaw l-armi tan-nar lejhom u qalulhom: “Għandkom 30
minuta”. Qalu li mbagħad id-dgħajsa Maltija bdiet iddur ħalli ma tippermettix
li dawn jgħumu lejn Malta. Qalu li kien hemm ċans kbir li kienu se joqtluhom.

Irrakkuntaw kif il-magna ta’ qabel
inkisritilhom meta bastiment ieħor Malti kien qabbad ħabel mad-dgħajsa u pprova
jiġbidhom il-barra. Qalu li l-ħabel tant laqat il-magna li din spiċċat
inkisret. Kien għal din ir-raġuni li l-AFM wara għaddiet magna lill-grupp ta’ immigranti.

Spjegaw li komplew isalpaw sal-għada u
għall-ħabta tal-10am waslu l-Italja.

Għid il-Kbir vjolenti u qattiel

L’AVVENIRE ikkwotat kelliem għal Alarm Phone li
ddeskriva l-Għid il-Kbir bħala wieħed “vjolenti u qattiel”. Qal li ħafna
tħallew imutu bil-ġuħ u jgħerqu sorveljati minn Malta u Frontex.

The post “Morru l-Italja, aħna għandna l-coronavirus” – L-AFM lill-immigranti appeared first on Newsbook.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Newsbook

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here