Home Newsbook L-esperti jwissu li jaf qegħdin fil-bidu tat-tieni mewġa

L-esperti jwissu li jaf qegħdin fil-bidu tat-tieni mewġa

3
0
SHARE
Advertisement

“Bħalissa jaf qegħdin fil-bidu tat-tieni mewġa tal-coronavirus.” Din hija t-twissija tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ħaddiema tas-Saħħa Pubblika (MAPHW). Huma saħqu li s-sistema tas-saħħa Maltija mhix se tiflaħ jekk il-miżuri jiġu llaxkati malajr wisq.

Dawn l-esperti ma jaqblux ma’ dak li qed iħabbru l-awtoritajiet, li ninsabu fi triqitna lejn in-normalità. Skonthom, meta jgħidu hekk, ikunu qegħdin jiżgwidaw lin-nies, u dan hu perikoluż peress li l-pubbliku jibda jaħseb li Malta tinsab f’qagħda sigura, mentri mhuwiex il-każ.

L-Assoċjazzjoni qalet lil Newsbook.com.mt li għandna nitgħallmu mit-traġedji li qegħdin iseħħu fil-pajjiżi ġirien tagħna u nevitaw li jkollna żieda qawwija fil-każijiet.

Dawn it-twissijiet jikkuntrastaw mal-attitudni ottimista tal-Prim Ministru Robert Abela meta ġie intervistat fuq One TV nhar il-Ħadd li għadda, meta huwa kkritika lil dawk li qegħdin jgħidu li Malta dieħla fit-tieni mewġa tal-coronavirus. “Il-mewġ fil-baħar qiegħed,” sostna Abela, u inkoraġġixxa lill-pubbliku biex imur il-baħar u jgawdi. Skontu, jagħmel ħażin min “ibeżża’ bit-tieni mewġa.”

Aktar każijiet mill-pajjiżi Ewropej

L-esperti fis-saħħa pubblika qegħdin iwissu illi:

  • In-numru ta’ każijiet pożittivi qiegħed kulma jmur jiżdied
  • L-R factor kien ogħla minn 1 b’mod konsistenti tul il-ġimgħa li għaddiet
  • In-numru ta’ każijiet pożittivi f’Malta għal kull persuna huwa ogħla minn tal-Italja, Spanja, il-Ġermanja u Franza

Kliem l-Assoċjazzjoni dewa dak li qal id-Direttur tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) fl-Ewropa meta qal li m’hemmx lok għal sodisfazzjon żejjed. Hija żiedet tgħid li minkejja l-isforzi li saru, il-kapaċità tas-sistema tas-saħħa ta’ Malta malajr tintlaħaq jekk il-miżuri jiġu llaxkati malajr wisq u jekk il-poplu ma jibqax jirrispetta t-tbegħid soċjali, ma tibqax tintlibes il-maskra u l-iġjene ma tibqax fuq moħħ kulħadd.

Il-MAPHW ħeġġet lill-Gvern sabiex jibbaża t-tneħħija tal-miżuri fuq il-prinċipji tas-saħħa pubblika, fuq skoperti epidemoloġiċi u evidenza affidabbli, u sabiex jerġa’ jdaħħal il-miżuri jekk l-R factor jibqa’ jogħla.

Fl-aħħar mill-aħħar, l-Assoċjazzjoni qalet, l-ekonomija tiddependi minn popolazzjoni b’saħħitha. Għalhekk ikun jaqbel li kulħadd isegwi r-regolamenti sabiex il-ħajja tibda tmur lura għan-normal.

L-Assoċjazzjoni tfaħħar il-ħidma pożittiva

L-Assoċjazzjoni rrikonoxxiet l-affarijiet pożittivi li saru, li Malta tfaħħret internazzjonalment għalihom. Irreferiet b’mod partikolari għall-ħidma tat-tim tas-saħħa pubblika, tas-servizzi tas-saħħa u tal-Gvern kollu. Faħħret ukoll il-ħidma tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika l-Prof. Charmaine Gauci, il-lockdown parzjali u t-testijiet għall-coronavirus li saru bil-gzuz ta’ kuljum.

Minkejja dan, l-Assoċjazzjoni saħqet li l-isforz veru se jibda issa, għaliex il-Gvern irid joqgħod attent li jibbilanċja l-ekonomija u s-saħħa, u dak kollu li dawn jirrikjedu.

The post L-esperti jwissu li jaf qegħdin fil-bidu tat-tieni mewġa appeared first on Newsbook.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Newsbook

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here