Home Net News L-IĠM ifaħħar lil Adrian Delia u jċanfar lill-Prim Ministru

L-IĠM ifaħħar lil Adrian Delia u jċanfar lill-Prim Ministru

21
0
SHARE
Advertisement

“Robert Abela kompla jkebbes il-mibgħeda lejn il-ġurnalisti”

“L-inizjattiva tal-Kap tal-PN li jkollu intervista fil-ġimgħa fuq it-televiżjoni b’domandi magħmula minn ġurnalisti tal-midja indipendenti huwa pass fid-direzzjoni t-tajba għal aktar trasparenza”.

Hekk saħaq l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin fejn filwaqt li faħħar lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista, ħeġġeġ lill-Prim Ministru Robert Abela sabiex jieħu eżempju minnu, iżda mhux biss – ġie propost ukoll li l-Prim Ministru jorganizza konferenza tal-aħbarijiet fil-ġimgħa għall-ġurnalisti kollha bil-għan li jsirulu domandi fuq temi kurrenti u suġġetti importanti.

Kien is-Sibt meta Adrian Delia kellu l-ewwel minn serje ta’ intervisti magħmula minn ġurnalisti indipendenti. B’kuntrast, il-Ħadd il-Prim Ministru naqas anke milli jindirizza lill-poplu u jwassal il-messaġġ solitu tiegħu.

Dan kollu bil-għan li l-libertà tal-istampa fil-pajjiż tkun aktar miftuħa, u mhux jingħad biss dak li jaqbel lit-tmexxija ta’ Kastilja.

L-IĠM spjega li l-kriżi pandemika ġabet magħha numru ta’ restrizzjonijiet għall-prattika tal-ġurnalisti fejn fost oħrajn m’għadx hemm lok għal dawk li jissejħu follow up questions minħabba li l-mikrofoni jintfew b’mod virtwali.

“Robert Abela xekkel ir-raba’ pilastru tad-demokrazija – This is not on

Fl-okkażjoni tal-Jum għal-Libertà tal-Istampa, l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin saħaq li f’pajjiżna għad fadal ħafna xi jsir f’dan ir-rigward.

L-Istitut innota kif id-diskors li ntqal mill-Prim Ministru Robert Abela fil-konferenza tal-aħbarijiet f’Jum il-Ħaddiem, mhux talli l-ġurnalist ma kellux il-libertà li jistaqsi li jrid, talli diskors il-Prim Ministru xekkel ir-raba’ pilastru tad-demokrazija. Dan meta qal li japrezza li kieku d-domandi tal-ġurnalisti jibqgħu mas-suġġett tal-konferenza.

This is not on” kompla l-IĠM fejn insista li d-domandi tal-ġurnalisti qatt ma jistgħu jiġu ristretti skont kif jaqbel lill-Awtorità. Għaldaqstant, dan l-aġir kebbes aktar mibgħeda lejn il-ġurnalisti, mibgħeda li dan l-aħħar fuq il-midja soċjali qed tiġi nnotata ta’ kuljum.

“L-insulti u t-thedded ta’ kuljum lejn il-ġurnalisti mhux tollerabbli”

L-IĠM saħaq li tul din il-pandemija bosta ħarġu jċapċpu lil frontliners, fosthom ukoll dawk li jaħdmu fil-qasam ġurnalistiku – madanakollu ċċara li ta’ kuljum il-ġurnalisti lokali qed jispiċċaw insulentati.

“Jekk wieħed sempliċiment jara l-kummenti fuq Facebook b’reazzjoni għal konferenzi stampa li jsiru mill-Awtoritajiet, wieħed ikun jista’ jaqra t-theddid, tgħajjir u bullying fil-konfront ta’ ġurnalist jew ieħor”.

L-IĠM sostna li dan mhux ser jibqa’ tollerabbli u bħala ġurnalisti u pajjiż qatt ma nistgħu naċċettaw din il-mibgħeda kollha lejn persuni li ta’ kuljum jaħdmu bla heda sabiex jipprovdu lill-pubbliku l-informazzjoni ġusta. Għaldaqstant l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin sejjaħ lill-Awtoritajiet sabiex jagħmlu l-pożizzjoni tagħhom ċara kontra dan l-aġir. Dan filwaqt li l-IĠM saħqet li d-diskors tal-Prim Ministru kien barra minn loku.

“L-ebda soċjetà ma’ tista tkun demokratika biżżejjed jekk il-ġurnaliżmu jiġi mfixkel”

B’dispjaċir l-Istitut innota kif l-Indiċi tal-libertà tal-istampa maħruġ minn Reporters Without Borders kompla juri s-sitwazzjoni prekarja li l-ġurnaliżmu u l-istampa Maltija tinsab fiha, 31 post ‘l isfel mill-2016.

L-IĠM saħaq li, “L-ebda soċjetà ma tista’ tkun qatt libera u demokratika biżżejjed ġaladarba ma tkunx informata u għaldaqstant f’dan ir-rispett pajjiżna huwa ta’ diżappunt kbir”.

Il-Kunsill tal-Ewropa din il-ġimgħa ddeskriva lil Malta bħala pajjiż ta’ inkwiet kbir f’dan ir-rigward, ankè fid-dawl tal-fatti li qed joħorġu bl-inkjesta pubblika b’rabta mal-eżekuzzjoni tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Il-fatti juru li minkejja li kienu ġew irrapportati każijiet ta’ korruzzjoni, ma sar xejn fuqhom ħlief l-omiċidju ta’ min irrapportahom, bis-suspettati numru wieħed jgħixu taħt impunità assoluta. Dan kollu jħalli lill-ġurnalisti jgħixu taħt theddid u riskju enormi.

L-IĠM innota li sentejn u nofs wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia l-poplu għadu qed jistenna li ssir ġustizzja mhux biss għal qtil tal-omm iżda ankè dwar l-istejjer li żvelat.

The post L-IĠM ifaħħar lil Adrian Delia u jċanfar lill-Prim Ministru appeared first on NETnews.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Net News

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here