Home Net News L-MFA b’laqgħa importanti biex il-futbol isostni ruħu waqt il-kriżi tal-coronavirus

L-MFA b’laqgħa importanti biex il-futbol isostni ruħu waqt il-kriżi tal-coronavirus

8
0
SHARE
Advertisement

Il-paġna ta’ Replay (Net Television) fuq facebook għandha informazzjoni li l-Malta Football Association – 1900 se ssejjaħ laqgħa għal għada fl-isfond tal-isfidi li qed jaffaċċja l-futbol lokali minħabba l-coronavirus. Din il-laqgħa se ssir permezz tal-video. Il-laqgħa se ssir ma’ rappreżentanti tal-klabbs lokali, mal-Malta Football Players Association u l-Malta Football Coaches Association u allura se tlaqqa’ lil min iħaddem u lil min jirrappreżenta lill-impjegati.

Matul l-aħħar jiem l-Assoċjazzjoni diġà kienet ħabbret li se tagħmel minn kollox biex tgħin liż-żewġ partijiet biex jaslu għal kompromess li jagħmel ġid għal kulħadd. L-intenzjoni hi l-futbol ikun kapaċi jsostni l-kriżi tal-Covid-19 f’mument meta l-logħba tinsab sospiża u allura l-kowċis u l-plejers mhux qegħdin jattendu għax-xogħol. Fid-dinja tal-isport, it-termini tax-xogħol huma kemmxejn differenti minn dawk ta’ industriji oħra u allura l-kuntratti tal-atleti u professjonisti sportivi huma speċifiċi.

Din il-laqgħa qed titqies bħala waħda importanti ħafna minħabba li l-isport lokali mhux inkluż fil-pakkett ta’ assistenza li kien imħabbar ilbieraħ mill-Gvern Malti. F’dawn iċ-ċirkostanzi l-klabbs Maltin se jkunu qegħdin iġorru il-piż finanzjarju ta’ din il-kriżi waħedhom u bosta qegħdin ibassru impatt negattiv li jista’ jaqta’ qalb dawk li jamministraw il-klabbs f’Malta u Għawdex. Uffiċjali ta’ klabbs li tkellmu ma’ Replay (Net Television) qalu li l-likwidità tal-klabbs ħadet daqqa kbira wara n-nuqqas ta’ attività kummerċjali u li diversi sponsors se jkunu qed jonqsu milli jżommu l-obbligi tagħhom lejn il-klabbs.

Barra minn pajjiżna matul l-aħħar jiem ħarġet informazzjoni li diversi klabbs tal-futbol bdew ikeċċu lill-impjegati tagħhom jew jaslu fi ftehim magħhom sabiex dawn inaqqsu l-paga. S’issa f’Malta l-ebda klabb għadu ma kkomunika deċiżjonijiet bħal dawn, iżda mhux eskluż li jekk ma jinstabx ftehim reċiproku fil-laqgħa ta’ għada, f’pajjiżna wkoll jkollna klabbs li jibdew iħabbru li se jirillaxxaw kowċis u plejers biex itaffu mit-toqol tal-pagi li għal ħafna jfissru telf f’eluf ta’ ewro.

The post L-MFA b’laqgħa importanti biex il-futbol isostni ruħu waqt il-kriżi tal-coronavirus appeared first on NETnews.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Net News

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here