Home TVM (Bil-Malti) Ħarsa lejn l-istejjer fil-faċċati tal-ġurnali

Ħarsa lejn l-istejjer fil-faċċati tal-ġurnali

10
0
SHARE
Advertisement

Din hija ħarsa lejn l-istejjer li nsibu fil-faċċati tal-ġurnali tal-lum is-Sibt, 29 ta’ Frar.

L-Orizzont jirrapporta li l-General Workers’ Union kitbet lis-Sur John Bencini, biex tissejjaħ laqgħa urġenti tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali biex is-sħab soċjali, flimkien mal-Gvern, jiddiskutu l-Coroanavirus fid-dawl tal-aħħar żviluppi li qegħdin iseħħu barra pajjiżna u s-sitwazzjoni kurrenti f’Malta. Is-Segretarju tal-General Workers’ Union, Josef Bugeja, tkellem mal-Orizzont dwar l-importanza ta’ prevenzjoni u tħejjijiet fl-eventwalita’ li jkollna każi f’Malta.

Fi storja oħra, sorsi fil-Partit Nazzjonalista qalu lill-ġurnal li r-riżenja ta’ Marthese Portelli minn Deputat Parlamentari tista’ tkun parti minn pjan u indikaw li Portelli ser tkun qed tirriżenja biex tkun eliġibbli għal kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista.

Fi storja ritratt, il-ġurnali jirrapporta “678 miljun ewro grazzi għal Valletta 2018”.

The Malta Independent jirrapporta li l-eks uffiċjal tas-sigurta’ Kenneth Camilleri qal li ma tantx jifhem tant dwar il-Panama Papers u kwistjonijiet oħra, iżda jixxerja tagħrif f’ġieħ il-partiġjaniżmu. Huwa kien qed jixhed fl-inkjesta pubblika ta’ Daphne Caruana Galizia u stqarr li ma jiddispjaċiehx li xxerja dan it-tagħrif. Camilleri jaħdem ma’ Transport Malta iżda bħalissa huwa sospiż minħabba li ssemma’ minn Melvin Theuma waqt l-investigazzjonijiet fil-qtil tal-ġurnalista.

F’rapport ieħor, il-Kamra tal-Kummerċ sejħet lill-awtoritajiet għal konsultazzjonijiet dwar il-Coronavirus, ir-relazzjonijiet industrijali u n-negozju.

Fi storja ritratt, gondolier iħares lejn il-mowbajl tiegħu waqt li qed jistenna il-klijenti f’Venezja. L-Awtoritajiet Taljani ddeċidew li jerġgħu jiftħu l-iskejjel u l-mużewijiet f’diversi inħawi li ma ntlaqtux ħafna mill-imxija tal-Coronavirus.

In-Nazzjon jirrapporta li 25 bidwi li l-għixien tagħhom jiddependi minn raba’ li huma jaħdmu fl-inħawi tal-Magħtab ippreżentaw protest fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili bil-għan ewlieni li jissalvagwardjaw l-għixien. Il-każ spiċċa l-Qorti wara li l-bdiewa jinsabu mħassba dwar l-avviż tal-Wasteserv li jindika li ser isir eżerċizzju minn din l-entita’ biex jittieħdu, skont il-Gvern, madwar 226 tomna ta’ art. Il-Partit Nazzjonalista qal li l-bdiewa għandhom jibqgħu jaħdmu r-raba’ tagħhom.

Times of Malta jirrapporta li skont stħarriġ mill-Unjoni Ewropea, il-fiduċja tan-nies fis-saħħa tad-demokrazija tbaxxiet waqt l-aħħar taqlib politiku tas-sena li għaddiet. Studju tal-Ewrobarometru sab li kien hemm “deterjorazzjoni b’saħħitha” fil-perċeżjoni tas-saħħa tad-demokrazija f’Malta, b’48 fil-mija wieġbu li huma sodisfatti bis-sitwazzjoni, waqt li 46 fil-mija wieġbu li mhumiex, b’dan jaqbel ma’ xejriet madwar l-Unjoni Ewropea.

F’rapport ieħor, minn stħarriġ internazzjonali, adoloxxenti Maltin ma kwalifikawx f’pożizzjoni tajba minn kważi 80 pajjiż f’dak li huwa qari, xjenza, u matematika.

Fi storja ritratt, mara tirreaġixxi wara li dinghy b’54 refuġjat Afghan wasal fil-gżira Griega ta’ Lesbos ilbieraħ. Iżid li t-Turkija mhux se tagħlaq il-fruntiera għar-refuġjati li jridu jidħlu fl-Ewropa – dan ftit wara li nqatlu 33 suldat f’attakk mill-ajru fis-Sirja.

The post Ħarsa lejn l-istejjer fil-faċċati tal-ġurnali appeared first on TVM Maltese.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit TVM (Malti)

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here