Home Newsbook Il-Qorti tal-Appell tikkonferma li ċ-Ċaqnu mhux ħati tal-inċident tat-tigra f’Montekristo

Il-Qorti tal-Appell tikkonferma li ċ-Ċaqnu mhux ħati tal-inċident tat-tigra f’Montekristo

2
0
SHARE
Advertisement

Il-Qrati rtiraw l-appell kontra dak li kienet iddeċidiet il-Qorti fil-konfront ta’ Carmel Polidano, meta waqqgħet l-akkużi kontrih b’rabta ma’ inċident li fih tigra weġġgħet lil tifel b’mod gravi fl-Animal Park ta’ Montekristo Estate fl-2015.

L-inċident ġara fit-28 ta’ Novembru tal-2015, meta t-tifel ta’ tliet snin ġie attakkat minn tigra li girfitlu wiċċu.

L-appell tressaq mill-Avukat Ġenerali wara li fl-2018, il-Qorti waqqgħet l-akkużi kollha fil-konfront ta’ Polidano, magħruf bħala ċ-Ċaqnu, u Michael Mercieca, talli kellhom żu illegali, li fih kienu qed iżommu annimali perikolużi, u anke ta’ negliġenza kriminali. Fl-istess ġudizzju, ir-raġel li kien qed jieħu ħsieb it-tigra dak il-ħin, Muhammad Saleem, kien instab ħati ta’ negliġenza u kien ingħata l-ħelsien mill-arrest b’xi kundizzjonijiet.

L-AĠ innota li fl-istqarrija li ta lill-Pulizija, Polidano semma “iġmla, ajkli, tigri, iljuni u żebras” bħala wħud mill-annimali li huwa żamm fil-park għal diversi snin. Il-Prosekutur ikkummenta li l-ebda minn dawn l-annimali ma huma domestiċi. Evidenza wriet li l-park kien qed ikun miftuħ għall-pubbliku għal ħafna iżjed mis-sebat ijiem kif mitlub mil-liġi biex jitqies bħala stabbiliment ta’ żu. Fl-2014, iż-żu kien qed jopera mingħajr liċenzja wkoll, skont l-AĠ.

Il-Qorti tal-Appell Kriminali nnutat li l-istqarrijiet ta’ dawk kollha akkużati kienu ttieħdu mingħajr il-preżenza ta’ avukat, u għalhekk, ma qisithomx ammissibbli bħala evidenza.

L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera nnutat kif fejn ittieħdet għal mixja t-tigra kien post aċċessibbli għall-pubbliku, iżda fl-istess waqt, qalet li m’hemm l-ebda evidenza li turi li Carmel Polidano hu responsabbli għat-tigra jew għall-park innifsu. Spjegat li lanqas ma setgħet tgħid li Polidano kien approva d-deċiżjoni ta’ Saleem li jieħu lit-tigra għal mixja fil-pubbliku.

Għaldaqstant, Scerri Herrera rrifjutat l-appell u kkonfermat dak li ddeċidiet l-ewwel Qorti.

The post Il-Qorti tal-Appell tikkonferma li ċ-Ċaqnu mhux ħati tal-inċident tat-tigra f’Montekristo appeared first on Newsbook.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Newsbook

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here