Home Net News Prokuratur Taljan iwissi lill-klabbs sportivi mill-infiltrazzjoni tal-mafja f’Malta

Prokuratur Taljan iwissi lill-klabbs sportivi mill-infiltrazzjoni tal-mafja f’Malta

4
0
SHARE
Advertisement

Il-Prokuratur Taljan kontra l-Mafja, Cafiero De Raho, wissa’
lill-klabbs sportivi ewlenin biex joqgħodu attenti mill-infiltrazzjoni
tal-mafja grazzi għal kumpaniji ibbazati f’Malta. Din it-twissija ngħatat waqt
il-kungress dinji li jgib l-isem Global
Leadership & Anticorruption in Sport
li qed isir f’Ruma.

Waqt id-diskors tiegħu, De Raho ddikjara li l-gruppi
tal-mafja qed jisfruttaw ġurisdizzjonijiet fejn id-dixxiplina b’rabta
mal-logħob tal-imħatri onlajn hi laxka.

Sfortunatament, fid-diskors tiegħu De Raho semma’ lil Malta
bħala eżempju li fi kliemu hu relevanti. Biex isaħħaħ l-argument tiegħu, hu
semma’ diversi każi riċenti fejn kapijiet tal-mafja ġew arrestati wara li użaw
kumpaniji Maltin li jaċċettaw imħatri fuq l-isport biex jaħslu flushom.

Hu fatt magħruf li l-gruppi tal-kriminalità organizzata fl-Italja
fl-aħħar snin bidlu l-operat tagħhom biex saru jiffinanzjaw lilhom infushom
bil-logħob tal-azzard, minflok it-traffikar tad-droga u l-armi kif kien
fil-passat.

Dan apparti li diversi gruppi li għadhom joperaw
fit-traffikar tad-droga, u jaqilgħu miljuni kbar minn dan il-kummerċ, saru
jilgħabu l-flus li jaqilgħu biex b’hekk jaħslu flushom. Dan billi jużaw
kumpaniji tal-imħatri fuq l-isport bl-użu ta’ medjaturi jew inkella kumpaniji
li ma jkollhomx uffiċċji f’pajjiżi bħal Malta iżda biss indirizz reġistrat
f’pajjiżna.

L-iktar riċenti mill-każi li nqabdu mill-awtoritajiet Taljani
hu dak ta’ Salvatore Nicitra, li fl-Italja qed ikun akkużat ukoll b’ħames
omiċidji.

L-awtoritajiet Taljani qed
jakkużaw lil Nicitra li mexxa’ kumpaniji tal-gaming, fosthom Potterbet, bl-iskop
li jiffinanzja lill-mafja. Sa riċenti Potterbet kienet irreġistrata taħt l-isem
ta Potter MRC Gaming Limited u stabbilita fi Psaila Street, f’Birkirkara.

Potterbet hi waħda minn ħames kumpaniji li kienu ħallew pajjiżna fl-2018, wara li investigazzjoni mill-Awtorita Maltija tal-Gaming sabet diversi rregolaritajiet u rabtiet mal-kriminalita organizzata.

Fid-dawl ta’ dawn il-każi, il-Prokuratur Taljan De Roha esprima tħassib li l-mafja issa qed iddawwar l-attenzjoni tagħha fuq klabbs sportivi ewlenin, tilgħab miljuni f’imħatri onlajn biex taħsel flus ġejjin minn attivitajiet illegali u tinfluwenza r-riżultati bl-iskop li tikseb dħul maġġuri f’rebħ. 

The post Prokuratur Taljan iwissi lill-klabbs sportivi mill-infiltrazzjoni tal-mafja f’Malta appeared first on NETnews.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Net News

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here