Home Newsbook Kisru l-liġi meta aċċettaw ir-riżenji tal-pulizija tat-traffiku – esperti

Kisru l-liġi meta aċċettaw ir-riżenji tal-pulizija tat-traffiku – esperti

8
0
SHARE
Advertisement

Esperti legali qed iqajmu tħassib dwar ir-riżenji riċenti
ta’ uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija b’rabta mal-allegat abbuż fis-sahra li ġie
żvelat il-ġimgħa li għaddiet. Jissuspettaw li r-riżenji, fi kliemhom approvati
bi ksur ta’ liġi, saru biex l-uffiċjali inkwistjoni ma jitilfux il-pensjoni
tas-servizz. 

Skont il-liġi, il-Ministru għall-Intern m’għandux
japprova riżenji ta’ uffiċjali tal-Korp fi tliet ċirkostanzi, fosthom meta
l-istess uffiċjali jkunu qed jaffaċċjaw xi proċedura dixxiplinarja.

L-esperti legali qalu ma’ Newsbook.com.mt li
legalment, pulizija ma jistax jaqbad u jirriżenja meta jrid, anke f’każ ta’
avveniment nazzjonali importanti jew elezzjoni. Żiedu jgħidu li ladarba ġew
arrestati u interrogati, l-uffiċjali jkollhom jidhru quddiem il-Kummissjoni
għas-Servizz Pubbliku (PSC) u probabbilment jitkeċċew mill-Korp. Madanakollu
spjegaw li bl-approvazzjoni tar-riżenja, xorta jieħdu l-pensjoni, minkejja li
jkunu se jitressqu l-Qorti.

Dwar xiex qed jiġu investigati l-pulizija?

X’tgħid eżatt il-liġi?

Skont l-Att dwar il-Pulizija, Membru tal-Korp li jixtieq jirriżenja jew jirtira mid-dmirijiet tiegħu, għandu jagħti lill-Ministru avviż bil-quddiem, li ma jaqbiżx it-30 ġurnata.

Barra minn hekk, il-Ministru għandu jagħti permess lil
kull membru tal-Korp għar-riżenja jew l-irtirar tiegħu wara li jiskadi l-perjodu
meħtieġ, sakemm il-membru tal-Korp:

  • Ma
    jkunx suġġett ta’ proċeduri dixxiplinarji quddiem il-Kummissjoni dwar is-Servizz
    Pubbliku u li jkunu għadhom ma ġewx deċiżi;
  • Ma
    jkunx akkużat b’reat kriminali
  • Ma
    jkunx irrenda ruħu li jista’ jitkeċċa jew jitneħħa. F’dawn il-każi l-Ministru
    jista’ jew ma jagħtix permess sakemm il-proċeduri jiġu konklużi, inkella jagħti
    permess b’kundizzjonijiet speċifiċi.

L-istess esperti saħqu li kemm-il darba fl-aħħar snin, membri tal-Korp ikunu se jitressqu l-Qorti iżda jingħataw id-dritt li jirriżenjaw qabel, biex ma jitilfux il-pensjoni jekk jinstabu ħatja. Jemmnu li dan huwa insult lejn il-poplu għax il-liġi hija ċara, u jibqgħu jibbenefikaw mill-pensjoni tul ħajjithom, meta legalment suppost jitilfu dak id-dritt għax mhux suppost tħallew jirriżenjaw.

Oħrajn qalu li l-Ministru kellu żewġ għażliet – jew li ma jaċċettax ir-riżenja jew jilqagħha b’kundizzjoni li ma jeħdux ċerta benefiċċji li normalment jiġu mat-terminazzjoni tax-xogħol ta’ pulizija, allura l-pensjoni tal-pulizija.

Fl-2015 fil-Parlament kien ħareġ li bejn l-2013 u Ġunju
tal-2015 kienu tressqu l-Qorti 15-il uffiċjal tal-Pulizija. Id-dettalji li
ngħataw mill-Ministru għall-Intern ta’ dak iż-żmien Carmelo Abela, juru li fost l-oħrajn l-akkużi kienu jinkludu tbagħbis ta’
evidenza, korruzzjoni u tixħim u serq aggravat.

Il-Pulizija qed titlob lil kull min għandu xi
informazzjoni b’rabta ma’ dawn l-allegazzjonijiet biex jgħaddihielha anke b’mod
kunfidenzjali, fuq in-numru 22942201 jew fuq
internalaffairs.police@gov.mt

The post Kisru l-liġi meta aċċettaw ir-riżenji tal-pulizija tat-traffiku – esperti appeared first on Newsbook.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Newsbook

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here