Home Newsbook Ritratti: Jibda x-xogħol fuq il-pont fi Blata l-Bajda

Ritratti: Jibda x-xogħol fuq il-pont fi Blata l-Bajda

31
0
SHARE
Advertisement

Tul il-lejl li għadda, Infrastructure Malta bdiet tpoġġi f’posthom l-ewwel żewġ strutturi tal-ħadid li se jiffurmaw il-gverta ta’ 105 metri tal-pont ġdid għall-mixi u r-roti li qed tibni fi Blata l-Bajda, u li se jgħaqqad il-Ħamrun, il-Marsa u l-Furjana.

Ix-xogħol qed ikompli dalgħodu sakemm l-istrutturi jkunu mwaħħlin b’mod sigur f’posthom fuq il-pilastri tal-konkos ta’ dan il-pont. Sakemm jitlestew ix-xogħlijiet ingħalqet il-karreġġjata tan-Nofsinhar fi Triq San Ġorġ Preca. Din it-triq terġa’ tinfetaħ sa 12pm illum. It-tliet partijiet l-oħra tal-gverta li se jiffurmaw din l-istruttura se jittieħdu fil-post f’ħidma simili mal-lejl fil-ġimgħat li ġejjin.

Dan il-pont ġdid tal-ħadid b’disinn ġej għat-tond se jaqsam minn fuq Triq San Ġorġ Preca, ħdejn il-kwartieri tas-soċjetà tal-MUSEUM, biex jgħaqqad Triq il-Kbira San Ġużepp fil-Ħamrun ma’ Spencer Hill u l-inħawi tal-Menqa fil-Marsa, kif ukoll it-terminals tal-vapuri tal-passiġġieri u l-park and ride tal-Furjana.

Skont Infrastructure Malta, b’hekk, se jinħoloq mod aktar sigur biex taqsam bil-mixi jew bir-rota minn naħa għal oħra ta’ din it-triq arterjali u jitneħħa l-bżonn tad-dwal tat-traffiku li hemm bħalissa.

Il-pont se joħloq ukoll aċċess dirett għall-ħames waqfiet tal-karozzi tal-linja (Blata l-Bajda 1, 2, 3, 4 and 5) li hemm fuq kull naħa ta’ dawn it-toroq traffikużi, u jagħmilha aktar faċli għall-passiġġieri li jkunu jridu jibdlu l-karozzi tal-linja biex jivvjaġġaw minn u lejn diversi lokalitajiet fin-Nofsinhar tal-pajjiż.

The post Ritratti: Jibda x-xogħol fuq il-pont fi Blata l-Bajda appeared first on Newsbook.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Newsbook

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here