Home Net News L-Aġent Kummissarju tal-Pulizija għandu jikkunsidra r-riżenja tiegħu – Francis Zammit Dimech

L-Aġent Kummissarju tal-Pulizija għandu jikkunsidra r-riżenja tiegħu – Francis Zammit Dimech

3
0
SHARE
Advertisement

L-Aġent Kummissarju tal-Pulizija Carmelo Magri għandu bżonn jikkunsidra serjament li jirreżenja mill-pożizzjoni tiegħu. Dan wara l-allegazzjonijiet dwar serq u abbuż ta’ pagi li qed jifnu lill-Korp tal-Pulizija, fejn s’issa rajna 40 membru mill-iskwadra tat-Traffiku arrestati.

Saħaq dan is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Francis Zammit Dimech f’invervista mas-sit LovinMalta fejn spjega li Magri, li nħatar f’din il-pożizzjoni ftit inqas minn xahar ilu, kien jaħdem bħala Deputat Kummissarju għal Xogħol Operattiv u tad-Distretti  u sussegwentament ir-responsabbilità tas-Sezzjoni tat-Traffiku kienet taqa’ taħt idejh.

Ritratt: Lovin Malta

Francis Zammit Dimech sostna li s-sitwazzjoni li ħakmet lill-Korp hija ta’ kollass sħiħ, li fl-aħħar mill-aħħar tirrifletti t-tmexxija ta’ dak iż-żmien.

Dan ifisser, kompla s-Segretarju Ġenerali, li ċertu responsabbilità trid tintrefa’ mill-Ministru tal-Intern ta’ dak iż-żmien, illum Ministru għall-Enerġija, Michael Farrugia.

Ritratt: Martin Agius

Huwa staqsa jekk hux qed nabbandunaw il-kunċett ta’ responsabbilità politika, fejn kompla jgħid li bħalissa qed ngħixu f’pajjiż li kellna Ministru (Justyne Caruana) li ġiet ordnata tirreżenja mill-pożizzjoni tagħha minħabba l-aġir ta’ żewġha fi ħdan il-Korp u min kien Ministru responsabbli mill-Pulizija, wara dan kollu li qed nisimgħu bih, għadu membru tal-kabinett tal-Ministri ta’ Robert Abela.

Francis Zammit Dimech sostna li l-Prim Ministru kellu jikkonsulta mal-Oppożizzjoni qabel ma’ ħatar lil Magri bħala Aġent Kummissarju filwaqt li wera d-dubji tiegħu dwar il-pjan ta’ Abela rigward il-proċess ġdid tal-għażla ta’ Kummissarju tal-Pulizija. Huwa irrimarka li Robert Abela kellu l-ħin kollu sabiex jikkonsulta mal-Oppożizzjoni dwar ir-regolatur biex jinbiegħu aktar passaporti Maltin iżda dwar il-Kummissarju lanqas biss xamma.

U hawnhekk staqsa jekk dawn il-mossi humiex biss ħela ta’ ħin prezzjuż waqt li għaddejjin investigazzjonijiet maġġuri għaddejjin – mhux biss dwar is-serq u ħasil ta’ flus b’rabta mal-Korp tal-Pulizija iżda ankè dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Is-Segretarju Ġenerali tal-PN temm jgħid li Robert Abela, li issa huwa responsabbli mit-tmun tal-pajjiż, wiegħed bidla u kontinwità madanakollu aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed jidher li l-kontinwità u l-bidla mwiegħda hija biss mera tat-tmexxija preċedenti.

The post L-Aġent Kummissarju tal-Pulizija għandu jikkunsidra r-riżenja tiegħu – Francis Zammit Dimech appeared first on NETnews.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Net News

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here