Home Newsbook Akkużat li abbuża minn martu psikoloġikament; libertà proviżorja

Akkużat li abbuża minn martu psikoloġikament; libertà proviżorja

3
0
SHARE
Advertisement

Raġel ċaħad li ta fastidju, insulta u hedded lil martu waqt li għaddejjin bil-proċess ta’ separazzjoni wara żwieġ ta’ 10 snin. Il-Qorti tatu libertà proviżorja.

Ir-raġel ta’ 36 sena mill-Ħamrun tressaq quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke dalgħodu.

L-Ispettur Matthew Galea mill-Prosekuzzjoni qal li r-raġel hedded lill-mara u lit-tliet uliedhom bi vjolenza, u qal ċertu kliem li ġiegħel lil martu tibża’.

Id-Difiża qalet illi li jgħid lil martu li għandha sidirha żgħir ma jfissirx li għandu jqatta’ jumejn taħt arrest. L-avukat qal dan b’referenza għal dak li l-mara qalet lill-pulizija fir-rapport li għamlet. L-avukat żied jgħid li f’10 snin, ma kienx hemm rapport wieħed min-naħa tal-mara. Għalhekk, skontu, huwa ċar li l-mara issa għamlet rapport ta’ din ix-xorta għax il-koppja qed tissepara.

L-avukat parte civile argumenta li l-abbuż kien wieħed serju u psikoloġiku. Qal ukoll li l-Appoġġ ikklassifikat il-każ bħala wieħed ta’ riskju għoli.

Il-Maġistrat Doreen Clarke tat lill-akkużat libertà proviżorja, peress li qalet li l-każ allegatament ġara fis-27 ta’ Jannar u kompla sat-8 ta’ Frar, iżda r-rapport sar fit-12 ta’ Frar, għalhekk il-koppja qattgħet dawn il-ġimagħtejn tgħix taħt l-istess saqaf.

Għaldaqstant, ir-raġel inħeles mill-arrest b’depożitu ta’ €500 u b’garanzija ta’ €2,000. Il-Qorti ordnatlu li ma javviċinax lill-mara jew idejjaqha sakemm qiegħed taħt il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.

Il-Qorti ordnat divjet fuq l-ismijiet tan-nies involuti.

The post Akkużat li abbuża minn martu psikoloġikament; libertà proviżorja appeared first on Newsbook.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Newsbook