Home One News 800 kirja residenzjali rreġistrati fl-ewwel tliet ġimgħat

800 kirja residenzjali rreġistrati fl-ewwel tliet ġimgħat

9
0
SHARE
Advertisement


Tliet ġimgħat mindu daħlet fis-seħħ il-liġi tal-kera, l-Awtorità tad-Djar diġà rreġistat 800 kirja residenzjali li saru din is-sena jew is-sena ta’ qabel.

Il-liġi l-ġdida tal-kera li hija l-ewwel tax-xorta tagħha f’pajjiżna, tinċentiva kirjiet residenzjali fit-tul u kull kirja, ma tistax tkun inqas minn sena.

ONE News tkellem mal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay hekk kif bħalissa l-Awtorità għaddejja b’kampanja ta’ informazzjoni fuq livell nazzjonali biex is-sidien u l-inkwilini jirreġistraw il-kuntratti tal-kirjiet residenzjali tagħhom.

Is-Sur McKay qal li mindu tnediet it-taqsima għall-kirjiet residenzjali privati diġà ġew irreġistrati 800 kuntratt.

Huwa stqarr: “Pożittiv għaliex kemm is-sidien, kemm l-aġenti kif ukoll l-inkwilini jridu mhux biss jikkonformaw u jsiru jafu x’iridu jagħmlu biex jikkonformaw mal-liġi iżda wkoll qegħdin jagħrfu x’benefiċċji u xi protezzjoni ħa tagħti lilhom.”

Waqt li fakkar li kull kirja trid tiġi rreġistrata għajr għal dawk li bdew qabel Ġunju tal-1995, qal li bħalissa hemm 900 oħra li jinsabu fil-proċess biex jirreġistraw il-kirjiet tagħhom.

Is-Sur McKay sostna: “Irridu ngħidu li dawk il-persuni li kellhom, beda kuntratt wara l-1 ta’ Jannar li għadda dawk iridu jirreġistrawh iva fi żmien 10 ijiem. Għandek xenarju ieħor fejn għandek persuni li beda kuntratt tagħhom qabel l-1 ta’ Jannar li għadda u li ħa jiskadi matul din is-sena dawk ma jridux jiġu reġistrati. Jiġu reġistrati biss dawk jekk ħa jkunu mġedda din is-sena.”

B’reazzjoni għal dawn iċ-ċifri inkoraġġanti, is-Sur McKay spjega kif ir-reazzjonijiet mis-sidien tal-propjetajiet f’Malta kienu pożittivi.

“Illi jagħtu mhux biss protezzjoni lill-inkwilin iżda wkoll anke serħan tal-moħħ lis-sidien. U naħseb li l-liġi laħqet dan il-bilanc billi l-ewwel u qabel kollox qed tagħti anke ċertu ċertezza liż-żewġ partijiet. Għandek ukoll ċertu stabilità. U propju l-liġi tkun qiegħda tintroduċi għall-ewwel darba li jkun hemm minn tal-inqas sena minima obbligatorja”, tenna s-Sur McKay.

Ċifri li kiseb ONE News juru wkoll li mill-1 ta’ Jannar s’issa kienu aktar minn 2,000 ruħ li għamlu kuntatt mal-awotrità waqt li 500 għamlu appuntament biex jirreġistraw il-kirja residenzjali.

Il-kuntratti jistgħu jiġu rreġistrati fuq is-sit elettroniku www.rentregistration.gov.mt

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit One News

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here