Home Net News It-twaqqigħ tal-ajruplan fl-Iran: Rouhani jistenna spjegazzjoni mingħand il-militar

It-twaqqigħ tal-ajruplan fl-Iran: Rouhani jistenna spjegazzjoni mingħand il-militar

3
0
SHARE
Advertisement

Il-President Iranjan Hassan Rouhani qal li
l-militar ta’ pajjiżu jeħtieġ ‘jelabora’ u jipprovdi spjegazzjoni aktar
dettaljata dwar kif seta’ iwaqqa’ bi żball l-ajruplan tal-passiġġieri
tal-Ukraine International Airlines li ġġarraf ġimgħa ilu wara li ntlaqat minn
missila.

Fit-tiġrif – riżultat ta’ azzjoni ‘mhix
intenzjonata’ – mietu 176 persuna u l-Ministru Iranjan għall-Affarijiet
Barranin, Javad Zarif, ammetta, issa, li ‘l-Iranjani kienu damu l-jiem jisimgħu
l-gideb wara l-inċident’. Zarif qal ukoll li hu l-President Rouhani ‘kienu
tħallew fil-għama’ fir-rigward tad-dettalji tal-qerda tal-ajruplan Boeing.

Il-Gwardja Rivoluzzjonarja – bħala l-qawwa
Iranjana elit – ammettiet li kienet niżżlet l-ajruplan, fost indikazzjonijiet
li elementi militari tal-Iran fixklu l-Boeing ma’ missila tal-Istati Uniti.
It-twaqqigħ tal-ajruplan kien seħħ sigħat wara li l-Iran spara l-missili lejn
bażijiet fl-Iraq li qed iżommu s-suldati Amerikani u bħala ritaljazzjoni
għall-qtil tal-Ġeneral Iranjan Qasem Suleimani li, jiem qabel, kien spiċċa mira
ta’ drone li sparawlu l-Amerikani waqt li hu kien qiegħed fl-Iraq.

Issa, il-President Iranjan Rouhani qed
isejjaħ biex il-militar ta’ pajjiżu jeżerċita ‘sens akbar ta’ koordinazzjoni u
moniteraġġ’ waqt il-passi li jmiss tal-investigazzjoni dwar it-twaqqigħ
tal-Boeing. Rouhani insista dwar il-ħtieġa li n-nies ikunu infurmati
bid-dettalji ‘bl-onestà’ meta hu importanti li huma jafu li l-awtoritajiet
Iranjani jħossuhom responsabbli għal dak li seħħ.

Min-naħa tiegħu,  il-Ministru Zarif, waqt li kien għaddej bi
żjara fl-Indja, qal li hu u l-President Rouhani, fil-bidu, ma kenux jafu
ċ-ċirkustanzi tal-ajruplan. Iżda hu faħħar lill-militar ta’ pajjiżu
‘għall-kuraġġ li wrew l-uffiċjali tiegħu biex jieħdu responsabbiltà
għat-twaqqigħ tal-Boeing’.

Madankollu, il-kritiċi għadhom qed
jitkellmu dwar id-dawmien ta’ tlett ijiem sakemm ħarġet il-verità dwar
l-ajruplan. L-istess kritiċi jinsistu li l-Iran ‘ammetta biss dwar dak li seħħ
ladarba l-awtoritajiet tal-Punent żvelaw li kellhom il-provi kuntrarji għal dak
li kien qed jgħid Tehran fir-rigward tal-Boeing’.

The post It-twaqqigħ tal-ajruplan fl-Iran: Rouhani jistenna spjegazzjoni mingħand il-militar appeared first on NETnews.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Net News

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here