Home Newsbook L-assassinju ta’ Daphne jaf wassal biex twieldu inqas subien – studju

L-assassinju ta’ Daphne jaf wassal biex twieldu inqas subien – studju

10
0
SHARE
Advertisement

L-istress li nħoloq f’Malta minħabba l-assassinju tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia jaf wassal biex twieldu inqas trabi subien, skont studju.

Ir-riċerkatur Thomas Calleja mid-Dipartiment tas-Saħħa tat-Tfal f’Mater Dei qal li t-twelid ta’ trabi maskili huwa ftit aktar komuni minn dak ta’ trabi femminili. Il-proporzjon (M/F) bejn it-twelid taż-żewġ sessi huwa marbut ma’ għadd ta’ fatturi li jikkawżaw l-istress f’popolazzjoni.

Xokkijiet riżultat ta’ attakki terroristiċi u gwerer huma assoċjati ma’ tnaqqis tal-proporzjon (M/F) imsemmi fix-xhur ta’ wara l-inċident.

Xjentisti jaħsbu li dan huwa minħabba fenomenu ta’ fetuċidju maskili selettiv (selective male foeticide) f’nisa tqal waqt perjodi ta’ stress.

L-istudju analizza jekk il-proporzjon (M/F) f’Malta u l-Irlanda kinex affettwat bl-assassinju tal-ġurnalisti investigattivi Daphne Caruana Galizia u Veronica Guerin. Dawn inqatlu fl-2017 u fl-1996 rispettivament.

Kif sar l-istudju?

Proporzjonijiet tat-twelid tat-trabi maskili u femminili (M/F) bejn tliet u ħames xhur wara l-assassinju ġew ikkumparati mal-proporzjonijiet fix-xhur ta’ qabel u ta’ wara l-inċident.

Il-perjodu ta’ studju għall-każ ta’ Daphne Caruana Galizia kien bejn Jannar tal-2017 u Diċembru tal-2018.

Skont ir-riċerkatur, kien hemm tnaqqis evidenti fil-proporzjon fi Frar tal-2018, erba’ xhur wara l-assassinju. Il-qtil kien seħħ fis-16 ta’ Ottubru 2017 fil-Bidnija.

Il-livell tal-proporzjon f’dak ix-xahar kien ħafna inqas minn dak tat-23 xahar l-ieħor studjati. Ir-riċerkatur ikkalkula li dan ifisser li kien hemm tnaqqis ta’ 21 twelid ħaj ta’ trabi maskili.

Meta l-istess riċerkatur analizza x’kien ġara wara l-assassinju tal-ġurnalista Irlandiża Veronica Guerin sab riżultat simili. Kien hemm tnaqqis fil-proporzjon (M/F) f’Ottubru tal-1996, erba’ xhur wara l-assassinju ta’ Guerin li seħħ fil-25 ta’ Ġunju 1996.

Għalfejn jiġri dan?

Skont ir-riċerkatur, it-trobbija ta’ tarbija maskili fil-ġuf tikkonsma aktar riżorsi milli tarbija femminili.

Ir-riċerkatur fakkar li saru allegazzjonijiet li hemm nies li kien hemm fil-Gvern ta’ Joseph Muscat li kienu involuti fl-assassinju. Qal li ta’ min wieħed jara jekk jerġax ikun hemm tnaqqis fil-proporzjon (M/F) fix-xhur ta’ wara li ħarġu dawn l-allegazzjonijiet.

Ir-riċerkatur qal li l-istudju sar mingħajr l-użu ta’ xi fond speċifiku mis-setturi pubbliċi, kummerċjali, jew volontarji.

L-istudju ta’ Calleja ġie ppubblikat fil-journal Early Human Development. Tista’ ssib l-artiklu oriġinali minn hawn.

F’Diċembru tal-2019, il-Fondazzjoni Richmond qalet li l-klima politika preżenti qed ikollha effetti fuq is-saħħa mentali fuq għadd kbir ta’ persuni. Fi stqarrija, l-Fondazzjoni appella lill-politiċi biex jieħdu pożizzjoni u jaraw li s-sitwazzjoni titreġġa’ lura għan-normal b’mod urġenti.

The post L-assassinju ta’ Daphne jaf wassal biex twieldu inqas subien – studju appeared first on Newsbook.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Newsbook

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here