Home One News L-Isqfijiet jappellaw għall-għaqda

L-Isqfijiet jappellaw għall-għaqda

2
0
SHARE
Advertisement

L-Isqfijiet qegħdin jappellaw biex f’dawn il-jiem delikati nfittxu li naħdmu flimkien, b’mod kalm u konvint, għall-verità u l-ġustizzja fl-imħabba u b’rispett lejn xulxin.

Fi stqarrija, l-Isqfijiet Maltin qalu li l-appell tagħhom jingħaqad mal-appell tal-President tar-Repubblika George Vella għall-għaqda, biex is-sitwazzjoni diffiċli li għaddejjin minnha ma tkabbarx il-firda u li, fi spirtu ta’ għaqda u għall-ikbar ġid tas-soċjetà Maltija u ta’ pajjiżna, naħdmu lkoll biex l-istituzzjonijiet tagħna jagħmlu d-dover tagħhom bir-reqqa u b’mod imparzjali.
Qalu li bħal f’kull soċjetà, wieħed jifhem li fostna jaf ikun hemm nuqqas ta’ qbil, iżda dejjem għandna nfittxu li nesprimu l-opinjonijiet leġittimi tagħna b’rispett lejn xulxin, lejn il-verità u mingħajr ma naqgħu fin-nassa tal-mibegħda, tal-gideb u tal-vjolenza.

“Nappellaw biex aħna, Maltin u Għawdxin, infittxu l-ġid komuni fi spirtu ta’ vera lealtà lejn il-prinċipji tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika ta’ Malta”, qalu l-Isqfijiet. Iż-żmien tal-Avvent ifakkarna li qegħdin nistennew il-miġja ta’ dak li “tħaddar f’jiemu l-ġustizzja u s-sliem kotran”

“Jalla l-ħerqa li għandu l-poplu għall-ġustizzja, għall-verità u għall-onestà, tissarraf ukoll f’rispett lejn xulxin u fiċ-ċaħda ta’ kull vjolenza verbali jew fiżika”, temmu jgħidu l-Isqfijiet.

Il-messaġġ tal-Isqfijiet isegwi dak tal-President ta’ Malta George Vella li wkoll appella għall-kalma u l-għaqda biex il-poplu joħroġ minn dawn iż-żminijiet diffiċli bl-anqas dannu possibbli għas-soċjetà Maltija u għall-pajjiż.

Fi stqarrija, il-President kien qal li f’dawn il-mumenti rridu nuru l-maturità tas-soċjetà Maltija. Il-President qal li segwa minuta b’minuta dak kollu li kien għaddej.

Il-President Vella saħaq li issa li l-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia żviluppa sal-punt li tressqu aktar nies il-Qorti, l-organi tal-ġustizzja, il-pulizija u l-Qrati għandhom jitħallew ikomplu jagħmlu xogħolhom.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit One News

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here