Il-proġett tagħna għadu ħaj.
Kienet din waħda mid-dikjarazzjonijiet li bihom id-deputat
Laburista Konrad Mizzi indirizza lil Joseph Muscat f’messaġġ fuq il-midja
soċjali. Dan ftit tal-ħin wara li l-mexxej Laburista ħabbar li se jħalli
t-tmexxija tal-Partit Laburista fit-12 ta’ Jannar li gej.
Din id-dikjarazzjoni mhux biss kompliet iżid ir-rabja, iżda
qajmet ferm iktar mistoqsijiet, fosthom għal liema proġett qed jirreferi Konrad
Mizzi. Dan fost oħrajn għaliex issa kull ftehim li laħaq Konrad Mizzi fl-aħħar
snin hemm dubji serji dwaru.
Ewlieni fosthom il-proġett tal-power station il-ġdida
tal-Electrogas, iffurmata minn konsorzju li fost oħrajn kien jinkludi lil
Yorgen Fenech … sid tal-kumpanija 17 Black.
Minn din il-kumpanija, Konrad Mizzi, li rriżenja darbtejn
f’żewġ leġiżlaturi minħabba l-iskandli li kien protagonist fihom, kellu
jirċievi mal-€5,000 kuljum f’kumpanija sigrieta moħbija fil-Panama. Dan joħroġ
minn emails ta’ Nexia BT.
Ironikament, wara li din kienet
waħda mir-raġunijiet li niżżlu lil Joseph Muscat, Konrad Mizzi għalaq
il-messaġġ tiegħu bil-kelma – ‘Inħobbok’.
The post “Il-proġett tagħna għadu ħaj” – Konrad Mizzi appeared first on NETnews.
L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Net News