Home Newsbook “Malta l-gżira tal-korruzzjoni” – It-Times ta’ Londra

“Malta l-gżira tal-korruzzjoni” – It-Times ta’ Londra

44
0
SHARE
Advertisement

Il-ġurnal Ingliż The Times ħareġ artiklu kmieni dalgħodu li ddeskriva lil Malta bħala l-gżira tal-korruzzjoni. F’dan l-artiklu l-ġurnal qal dak li jaħseb fuq il-Gvern Malti.

Il-ġurnal sostna li Malta għandha diversi sfidi. Qal li Malta trid twassal għat-tmiem b’suċċess għall-investigazzjonijiet fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u tassigura li ssir ġustizzja. Iżda minbarra dan, il-ġurnal insista li Malta għandha bżonn taħdem sabiex tara li r-reputazzjoni tagħha fejn jidħol ir-rispett lejn is-saltna tad-dritt (rispett lejn il-liġi) terġa’ tissaħħaħ.

Il-ġurnal semma kif bosta jarawh fatt straordinarju li minkejja l-allegazzjonijiet dwar il-politiċi assoċjati miegħu, ma ħax il-passi neċessarji sabiex jiddistanzja ruħu mill-investigazzjonijiet li hemm għaddejja. Semma kif bħalissa, l-ogħla uffiċjali tal-pajjiż li jifformaw parti mill-aġenziji u d-Dipartimenti tal-Gvern ġew appuntati minnu. Irrefera wkoll għall-kummenti li għaddew kritiċi dwar il-poter li għandu l-Prim Ministru sabiex waħdu jkun jista’ jiddeċiedi għandhiex tingħata maħfra presidenzjali. Skont il-kritiċi, dan joħloq kunflitt ta’ interess ċar.

L-artiklu jitkellem dwar kif il-qtil ta’ Caruana Galizia wassal biex toħroġ fid-dawl informazzjoni dwar “l-iċken” stat membru tal-Unjoni Ewropea. Qal li Malta saret sinjura wara li nbidlet f’pajjiż fejn wieħed faċli jaħsel il-flus, fejn hemm logħob tal-flus li għandu konnessjonijiet mafjużi u anke jbigħ il-passaporti. Semma wkoll li ħareġ li l-pajjiż huwa maħkum minn korruzzjoni u kriminalità organizzata.

Aqra l-artiklu oriġinali minn hawn.

The post “Malta l-gżira tal-korruzzjoni” – It-Times ta’ Londra appeared first on Newsbook.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Newsbook

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here