Home Kullħadd NESCAFÈ 3IN1 LIFECYCLE CHALLENGE TKOMPLI TKABBAR IR-RIĊERKA FIL-MARD TAL-KLIEWI PERMEZZ TAL-FOND TA’...

NESCAFÈ 3IN1 LIFECYCLE CHALLENGE TKOMPLI TKABBAR IR-RIĊERKA FIL-MARD TAL-KLIEWI PERMEZZ TAL-FOND TA’ RIĊERKA TAL-UNIVERSITÀ

18
0
SHARE
Advertisement

Riċerka speċifika dwar kundizzjoni partikolari tal-kliewi issa se tkun qed tissaħħaħ  b’għotja ta’ €25,000 ippreżentata minn Nescafé 3in1 LifeCycle Challenge lill-Fond ta’ Riċerka, Innovazzjoni u Żvilupp (RIDT) tal-Università ta’ Malta. Il-flus huma parti mill-isponsorship tat-titlu tal-isfida tal-Fondazzjoni LifeCycle (Malta) ta’ din is-sena mill-brand Nescafe 3in1 ta’ Nestlé .

Il-Fundatur ta’ LifeCycle Alan Curry qal: “Wara taħdidiet mal-Università ta’ Malta u l-Isptar Mater Dei, LifeCycle ngħatat il-parir li tappoġġja programm ta’ riċerka dwar ċisti li jitrabbew fil-kliewi (polycystic kidney disease – PKD). Il-Fondazzjoni LifeCycle ilha sa mill-2014 tappoġġja programmi ta’ riċerka fl-Università ta’ Malta. Grazzi għall-brand Nescafé 3in1, erġajna nistgħu nassistu f’din ir-riċerka tant meħtieġa tal-mard fil-kliewi.”

Tim ta’ riċerkaturi mid-Dipartiment tal-Anatomija u l-Bioloġija taċ-Ċelloli f’kollaborazzjoni mad-Diviżjoni tan-Nefroloġija tad-Dipartiment tal-Mediċina u l-Isptar Mater Dei, fosthom il-Prof Jean Calleja Agius, il-Prof Emanuel Farrugia, Dr Edith Said u Dr. Graziella Zahra, se jinvestigaw il-polycystic kidney disease (PKD).

Il-PKD hi kundizzjoni li tintiret fil-familja stess. Dan jiġri billi għoqod ta’ ċisti jiżviluppaw primarjament mal-kliewi, u b’hekk il-kliewi jespandu u maż-żmien jitilfu l-funzjoni tagħhom. Il-marda tista’ tkun preżenti sa mit-tfulija u fl-adolexxenza, jekk tkun aggressiva, jew aktar tard fl-età jekk is-sintomi jkunu ħfief. Il-każijiet kliniċi jvarjaw ħafna minn persuna għal oħra kif ukoll il-progressjoni tal-marda. Il-PKD tista’ tintiret b’mod dominanti (ADPKD) jew b’mod riċessiv (ARPDK).

“Pazjenti b’ADPKD f’Malta s’issa kienu dijanjostikati klinikament u l-kawza ġenetika ta’ din il-kundizzjoni għadha mhix definita għal kollox. Il-proġett ta’ riċerka għandu l-għan li jiddetermina d-difett ġenetiku f’pazjenti b’ADPKD f’Malta ħalli joffri l-aħjar pariri ġenetiċi lil familjari ta’ individwi li jbatu b’ADPKD,” qalet ir-riċerkatriċi ewlenija l-Prof Jean Calleja Agius.

“L-istudju kollu hu mifrux fuq tliet snin u se jirriżulta fl-analiżi tal-maġġoranza tal-familji bl-ADPKD f’Malta,” żiedet il-Prof Calleja Agius.

Il-Marketing and Corporate Communications Manager ta’ Nestlé Alfred J. Borg qal: “Bħala parti mill-missjoni tagħna li nsaħħu l-kwalità tal-ħajja u nikkontribwixxu għal futur aktar san għall-komunitajiet, permezz tal-brand Nescafé 3in1 tagħna, aħna ssieħibna mal-Fondazzjoni LifeCycle (Malta) biex ikomplu jappoġġjaw il-missjoni nobbli tagħhom fit-tisħiħ tal-ħajja ta’ persuni li jgħixu bi problemi fil-kliewi. “

Il-Fondazzjoni LifeCycle (Malta) hi l-unika NGO f’Malta li tiġbor fondi biex tappoġġja pazjenti li jbatu minn problemi tal-kliewi. Din  tkopri tliet oqsma prinċipali: għarfien, trattament u riċerka. Biex tilħaq dawn l-għanijiet, il-Fondazzjoni taħdem id f’id mal-istaff mediku tar-Renal Unit tal-Isptar Mater Dei u mar-Research Trust tal-Università ta’ Malta (RIDT).

Ir-Rettur tal-Università ta’ Malta u Chairman ta’ RIDT, il-Prof Alfred Vella rringrazzja lil Nestlé Malta u lil-LifeCycle Challenge li għarfu l-ħtieġa li jkomplu jagħtu l-appoġġ tagħhom għar-riċerka medika, u qal: “Napprezzaw  ħafna d-donazzjoni tal-lum għal aktar riċerka fil-mard tal-kliewi f’Malta. Fl-ewwel sena tal-istudju qed nimmiraw li ninvolvu tal-anqas 50 pazjent li huma ‘l fuq minn 18-il sena u li għandhom storja familjari pożittiva għall-ADPKD.”

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Kullħadd

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here