Home Net News Avventura spettakolari taħt il-baħar – fit-Teatru Manoel fil-Milied li ġej

Avventura spettakolari taħt il-baħar – fit-Teatru Manoel fil-Milied li ġej

5
0
SHARE
Advertisement

F’dan l-istaġun tal-festi, l-istorja
klassika ta’ The Little Mermaid se ssib darha fit-Teatru Manoel, f’pantomima
ġdida ta’ FM Theatre Productions. Biljetti mraħħsa jinsabu għall-bejgħ
bħalissa, għal perjodu limitat biss!

F’The Little Mermaid: A Panto Under The Sea, se niltaqgħu mas-sirena fuq tagħha Ariel, bint ir-Re Triton, li tħobb tikser ir-regoli billi żżur wiċċ il-baħar mal-ħabiba tagħha Doreen, ħuta barra mill-ilma li tinsa ħafna filwaqt li ġġennen lil kulħadd, fosthom lin-nanny ta’ Ariel, id-Dama Bormaljotta. Sadanittant, il-Prinċep Rubinu għaddej ifittex lil missieru r-Re Barbakannella, li għeb żmien twil ilu, u s-saħħara kattiva tal-baħar Ursoola Minnofs qed tippjana kif se taħtaf taħt idejha s-saltna ta’ taħt il-baħar bl-għajnuna taż-żewġ qaddejja fidili tagħha, Morina u Skorfina.

“Tgħid is-saħħara kattiva tal-baħar se
jirnexxilha tieħu s-saltna ta’ taħt il-baħar taħt idejha? Tgħid Ariel se taqta’
xewqitha? Id-Dama se jirnexxilha takkwista raġel? Tgħid Triton se jirnexxilu
jġiegħel lil bintu tobdih, u Rubinu se jsibu lil missieru? Hemm ħajja fuq
il-pjaneta Mars? Hemm ħajja fil-gżejjer Maltin? Dawn il-mistoqsijiet jistgħu
jitwieġbu biss fit-Teatru Manoel meta tiġi tara l-pantomima ta’ FM Theatre ta’
din is-sena!” qal l-attur u l-produttur Edward Mercieca, ta’ FM Theatre.

FM Theatre kisbet reputazzjoni għall-pantomimi
spettakolari li ttella’ ta’ kull sena, fosthom Sleeping Beauty tas-sena l-oħra,
li l-kritiċi sejħulha ‘divertenti mill-bidu sal-aħħar … ġegħlitni nidħaq tant
li għall-isbaħ tliet sigħat keċċejt il-grinch ta’ ġo fija’, u ‘waħda mill-aħjar
pantos li żejnet il-palk tal-Manoel f’dan l-aħħar żmien’. Matul il-bqija
tas-sena, FM Theatre saret ukoll rinomata għall-fatt li qed ittella’ wħud
mill-aktar musicals maħbubin u ta’ fama mad-dinja kollha, fosthom
il-produzzjonijiet ċelebri Mamma Mia!, My Fair Lady, u reċentement,
il-produzzjoni ta’ We Will Rock You li għaliha nbiegħu l-biljetti kollha.

F’dan l-istaġun
tal-festi, il-pantomima The Little Mermaid mistennija żżomm il-momentum
tal-kumpanija b’settijiet, kostumi, mużika, żfin, effetti speċjali u maġija
tat-teatru li ma jintesewx kif ġieb u laħaq, u dan kollu se jkun qed jingħata
l-ħajja minn kast stellari mmexxi minn Edward Mercieca bħala d-dama awwista,
Bormaljotta, u Katherine Brown bħala s-saħħara tal-baħar, il-qarnita Ursoola
Minnofs.

Ma’ dawn se jingħaqdu
ismijiet oħra magħrufa, fosthom Chiara Hyzler bħala Doreen, Nikki Cassar bħala
Ariel, Tezara Saliba bħala l-Prinċep Rubinu, Karen Decelis bħala Fairy LE,
Antonella Mifsud u Maria Cassar bħala ż-żewġ Salluriet biċċa waħda mas-saħħara,
Renato Dimech bħala l-Kaptan Barbuljatu, Joe Depasquale bħala r-Re Triton u
Adriel Camilleri bħala l-Bosun Ċikku Flieles, kif ukoll kor ta’ kreaturi
tal-baħar, pirati zombies, baħrin, u bosta biċċiet ta’ imbarazz mormi jew jgħum
f’wiċċ l-ilma.

Dan il-kast
impressjonanti se jkun taħt id-direzzjoni ta’ Chris Gatt, bid-direzzjoni
mużikali f’idejn Kris Spiteri, koreografija ta’ Luisa Fenech Conti u taħriġ
tal-vuċi minn Analise Cassar.

Biljetti mraħħsa għal min jaħseb kmieni issa jistgħu jinkisbu għal The Little Mermaid: A Panto Under The Sea, għal perjodu limitat biss sat-30 ta’ Novembru. Għalhekk, jaqbillek taħtaf il-biljetti tiegħek illum billi tixtrihom online fuq www.teatrumanoel.com.mt, jew tibgħat email fuq bookings@teatrumanoel.com.mt, jew inkella jċempel fuq 2124 6389. T

The post Avventura spettakolari taħt il-baħar – fit-Teatru Manoel fil-Milied li ġej appeared first on NETnews.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Net News

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here