Home Net News It-Tnejn tibda t-Tazza Davis b’format ġdid

It-Tnejn tibda t-Tazza Davis b’format ġdid

3
0
SHARE
Advertisement

Illum f’Madrid fi Spanja se tibda
l-fażi finali tat-Tazza Davis, kompetizzjoni organizzata mill-ITF riservata għat-timijiet
nazzjonali tal-irġiel. Din l-edizzjoni hi waħda sepċjali għaliex se tkun
b’format ġdid fejn f’din il-fażi finali se jkun hemm 18-il nazzjon jieħdu.

Din hi kompetizzjoni antika li kellha
l-ewwel edizzjoni tagħha fl-1900 fejn fl-ewwel snin tagħha din kienet biss
sfida bejn l-Istati Uniti u r-Renju Unit. Fil-fatt kien fuq insistenza
tal-federazzjoni tat-tennis Amerikana li oriġinat din il-kompetizzjoni fejn
l-Amerikani xtaqu kompetizzjoni bejnhom u r-Renju Unit biex jaraw il-livell
tat-tennis fl-istati Uniti f’liema livell ikun wasal peress li l-Brittaniċi
kienu meqjusa bħala l-aqwa fid-dinja.

Maż-żmien din il-kompetizzjoni mhux
biss bidlet is-sura tagħha fejn ma baqgħetx riservata għall-Brittaniċi u
l-Amerikani, iżda saret kompetizzjoni universali fejn prattikament
in-nazzjonijiet tad-dinja kollha jieħdu sehem kif ukoll kibret sew
fil-prestiġju tagħha.

Fl-aħħar forma tagħha din
il-kompetizzjoni kienet tintlagħab fuq bażi ta’ Knock Out, fuq l-aqwa minn
ħames logħbiet, 4 singles u l-logħba tad-doubles.

Kif għidna l-edizzjoni ta’ din
is-sena hi storika fejn għall-ewwel darba se jkun hemm fażi finali fejn
it-18-il nazzjoni finalista ġew maqsuma f’sitt gruppi ta’ tliet nazzjonaijiet
kull grupp. Dawn jilagħbu logħbiet fuq round robbin u kull konfront se jibda
jintlagħab fl-istess jum u jkun fuq l-aqwa minn tliet konfronti, żewġ logħbiet
singles u l-logħba tad-doubles.

Ir-rebbieħa ta’ kull Grupp jgħaddu
għall-kwartifinali flimkien mal-aqwa żewġ nazzjonijiet mit-tieni klassifikati.
Il-logħbiet tal-kwartifinali, semifinali u l-finali, jintlagħbu xorta waħda fuq
l-aqwa minn tliet konfronti, tliet konfronti li jintlagħbu fl-istess jum.

Bejn illum u l-ħamis jintlagħbu
l-logħbiet mill-fażi tal-gruppi, u l-ħamis stess filgħaxija tintlagħab l-ewwel
kwartifinali. Il-Ġimgħa jintlagħbu l-kwartifinali l-oħra, is-Sibt isiru ż-żewġ
semifinali u l-Ħadd li ġej tintlagħab il-finali.

Il-poloz tas-sitt gruppi huma dawn:

Grupp A: Franza, Ġappun, Serbja

Grupp B: Kroazja, Russja, Spanja

Grupp C: Arġentina, Ċili, Ġermanja

Grupp D: Belġju, Kolombja, Awstralja

Grupp E: Kazakhstan, Olanda, Renju
Unit

Grupp F: Italja, Kanada, Stati Uniti

Il-holders il-Kroazja jibdew
id-difiża tat-titlu llum kontra r-Russja. Logħbiet oħra għal-lum huma Belġju v
Kolombja u Italja v Kanada.

L-iktar nazzjon li rebaħ it-Tazza
Davis hu L-Istati Uniti li rebħu t-Tazza 32 darba u 29 darba oħra kienu
finalisti telliefa. Warajhom hemm l-Awstralja li rebħu t-Tazza David 28 darba u
19-il darba oħra kienu finalisti telliefa.

Wara l-Istati Uniti u l-Awstralja
hemm Franza u r-renju Unit b’għaxar suċċessi kull wieħed, segwiti mill-Iżvezja
b’seba’ rebħiet u minn Spanja b’ħamsa.

The post It-Tnejn tibda t-Tazza Davis b’format ġdid appeared first on NETnews.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Net News

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here