Home One News Tnedija ta’ żewġ proġetti għar-riabilitazzjoni ta’ widien kofinanzjati minn fondi Ewropej

Tnedija ta’ żewġ proġetti għar-riabilitazzjoni ta’ widien kofinanzjati minn fondi Ewropej

1
0
SHARE
Advertisement

Il-Ministri José Herrera u Edward Zammit Lewis nedew żewġ proġetti ta’ riabilitazzjoni ta’ Wied Għajn Riħana u Wied Liemu, li huma kofinanzjati minn fondi Ewropej.

Il-Ministru Herrera spjega li l-ewwel fażi tal-proġett ta’ Wied Għajn Riħana se jiġi mwettaq matul is-sena d-dieħla u se jiswa madwar €1.1 miljun. Fl-ewwel fażi se jsir it-tħawwil ta’ madwar 1,600 siġra u arbuxxella, ir-restawr u l-bini mill-ġdid ta’ 5,000 metru kubu ta’ ħitan tas-sejjieħ, se jitneħħew siġar invażivi, se jiġu installati railings tal-injam kif ukoll se tiġi installata sistema għat-tisqija tal-ilma.

Spjega li l-proġett ta’ Wied Liemu se jkun maqsum f’fażijiet u se jiswa madwar €200,000. Ix-xogħol li ħa jsir f’dan il-wied jinkludi t-tneħħija manwali ta’ materjal akkumulat fil-kanal biex jitnaqqas l-għargħar u t-telf tal-ħamrija mill-art agrikola li jmissu magħha kif ukoll se jiġi rrestawrat il-kanal tal-ġebel u se jinbnew erba’ pontijiet ġodda tal-ġebel.

Il-Ministru Herrera saħaq li dawn il-proġetti huma importanti ħafna għax ir-riabilitazzjoni tal-widien ta’ pajjiżna hi indispensabbli għall-ambjent tagħna. Tenna li l-widien huma l-pulmun tal-pajjiż u huma ta’ portata ekoloġika u ta’ bijodiversità. Għaldaqstant hu indispensabbli li mmexxu ’l quddiem l-aspett ambjentali ta’ pajjiżna u nerġgħu nirriabilitaw il-widien li għal snin twal kienu tħallew abbandunati.

Il-Ministru Edward Zammit Lewis żied li l-ambjent u l-agrikoltura huma prijorità għal dan il-Gvern – ambjent li hu sostenibbli kemm għall-ġenerazzjonijiet preżenti u dawk futuri.

Il-Ministru Zammit Lewis saħaq li pajjiżna qed jinnegozja pakkett finanzjarju b’saħħtu għall-perjodu 2021-2027 biex filwaqt li nkomplu nsostnu l-ekonomija Maltija nkunu nistgħu nkomplu nirriabilitaw aktar spazji miftuħa li jistgħu jgawdu minnhom il-familji Maltin u Għawdxin.

Qal li l-MEUSAC kien strumentali fil-proċess tal-applikazzjoni fejn ħadmu fil-qrib mal-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima kif ukoll ma’ Ambjent Malta. Il-Ministru Zammit Lewis ikkonkluda li ħa nkomplu nsaħħu l-irwol tal-MEUSAC f’dan ir-rigward biex ngħinu aktar mhux biss entitajiet tal-gvern iżda anke lis-settur privat.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit One News

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here