Home Net News Bħal-lum 30 sena twaqqa’ l-ħajt infami

Bħal-lum 30 sena twaqqa’ l-ħajt infami

4
0
SHARE
Advertisement

Il-Ħajt ta’ Berlin, li għal 28sena sħaħ issimbolizza l-agħar element ta’ oppressjoni f’isem il-komuniżmu, beda jinbena fit-13 ta’ Awwissu 1960, wara li ’l fuq minn żewġ miljuni u nofs irnexxielhom jaħarbu lejn Berlin tal-Punent bejn l-1949 u l-1960.

Id-direttiva għall-kostruzzjonital-ħajt – li kien waqa’ f’Novembru tal-1989 – 30 sena ilu – kellha l-ħsieb li tissepara t-tlietzoni tal-kapitali Ġermaniża li kienu jikkontrollaw Franza, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti miz-zona partikolari li waqgħet taħt l-amministrazzjoni tal-Eks Unjoni Sovjetika mat-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija.

Kien hemm fil-fatt ‘erba’ ġenerazzjonijiet’ tal-Ħajt ta’Berlin li nbnew bejn it-13 ta’Awwissu tal-1960 u l-1980; bl-aħħar verżjoni tikkonsisti minn blokki twal tal-konkrit, spazji għal vetturi u aktarminn tliet mitt torri, jew watchtower.

Fiz-zona tal-Ħajt kienhemm tmien aċċessi tal-fruntiera, bl-aktar wieħed famuż jibqa’ magħruf bħala Checkpoint Charlie, li kienu jużawh il-militar tal-Alleati minbarra persuni mhumiex Ġermaniżi.

Fit-28 sena li dam jeżisti l-ħajt ħarbu ’l fuq minn 5,000 ruħ minn Berlin tal-Lvant għall-Punent, b’mitejn (ċifra approssimattiva) iħallsu b’ħajjithom waqt tentattivi simili. Imbagħad sa mitejn persuni oħra sfaw feruti mill-gwardjani tal-watchtowers iżda l-ġrieħi tagħhom ma rriżultawx fatali. Jibqgħu memorabbli l-kummenti ta’ żewġ Presidenti tal-Istati Uniti rigward l-eżistenza tal-Ħajt ta’ Berlin.

Meta John F. Kennedy żar l-inħawi fl-1963, enfasizza li kulmin iħobb il-libertà għandu jħossu kburi li jiddikjara ‘Ichbin ein Berliner (Jiena residenti ta’ Berlin)’ u fl-1987 Ronald Reagan ukoll żar Berlin fejn sfida lil Mikhail Gorbachev, il-President Sovjetiku ta’ dak iż-żmien, biex “ifittex iwaqqa’ dan il-ħajt”.

Eddie Fenech Adami l-ewwel Prim Ministru li żar il-Ġermanja wara l-waqgħa tal-Ħajt

Kien
il-Prim Ministru Malti u Kap tal-Partit Nazzjonalista Eddie Fenech Adami
l-ewwel kap ta’ Gvern li żar il-Ġermanja magħquda wara l-waqgħa tal-Ħajt ta’
Berlin fl-1989.

Kien
il-Ħadd 19 ta’ Novembru tal-1989 meta Eddie Fenech Adami beda żjara uffiċjali
ta’ jumejn fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li matulha ltaqa’, fost personalitajiet
oħra, mal-Kanċellier Ġermaniż Helmut Kohl u mal-Ministru tal-Affarijiet
Barranin.

Hekk
kif il-karozzi tad-delegazzjoni Maltija ħarġu mill-ajruport ta’ Bonn, grupp ta’
tfal Maltin bil-bandiera bajda u ħamra taw merħba sabiħa lill-Prim Ministru
Malti, li niżel mill-karozza biex ikellimhom. L-iskop tal-laqgħa kien biex ikunu
msaħħa r-relazzjonijiet li diġà kienu tajbin bejn iż-żewġ pajjiżi.

Iż-żjara
ta’ Eddie Fenech Adami fil-Ġermanja kienet it-tieni żjara uffiċjali li Prim
Ministru Malti għamel fil-Ġermanja tal-Punent wara li Ġorġ Borg Olivier kien għamel
żjara fis-snin sittin.

Il-fatt
li din kienet l-ewwel żjara uffiċjali ta’ kap ta’ Gvern barrani fil-Ġermanja
minn meta ftit qabel kien deċiż it-twaqqigħ tal-Ħajt ta’ Berlin, u l-fatt li ż-żjara
saret ftit jiem biss qabel is-summit storiku f’Malta bejn il-President Amerikan
George Bush u l-mexxej Sovjetiku Mikhail Gorbachev, kabbar l-importanza tal-laqgħa
u żied l-interess anki fost ġurnalisti barranin li rrappurtaw din il-laqgħa
b’importanza.

Eddie
Fenech Adami, fost oħrajn, kien intervistat minn ġurnalisti tal-ġurnal Amerikan
USA Today, minn ġurnalist tal-gazzetta Sovjetika Isvestia, u minn ġurnalisti
ta’ radju prominenti Ġermaniż fi Frankfurt.

Minbarra
l-Prim Ministru Eddie Fenech Adami, id-delegazzjoni Maltija kienet tinkludi
lill-Ambaxxatur Malti għall-Ġermanja Frederick Amato Gauci, il-Konsulent
tal-Prim Ministru Evarist Saliba, is-Segretarju Privat John Camilleri u
lill-Kap tat-Taqsima Politika fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin George Busuttil.

Ġrajjiet ta’ interess mill-istorja tal-Ħajt ta’ Berlin


Wara t-Tieni Gwerra, l-erba’ potenzi alleati li għelbu lin-Nazisti ta’ Adolf
Hitler ingħataw kontroll taz-zoni ta’ Berlin, bis-settur taħt idejn il-Franċiżi,
il-Britanniċi u l-Amerikani jsir magħruf bħala l-Ġermanja tal-Punent jew ir-Repubblika
Federali tal-Ġermanja.

Iz-zona
kontrollata mis-Sovjetiċi damet is-snin magħrufa bħala l-Ġermanja tal-Lvant jew
ir-Repubblika Demokratika tal-Ġermanja, bil-belt ta’ Berlin tispiċċa fil-qalba taz-zona
inkwistjoni, għalkemm din ukoll inqasmet f’erbgħa minħabba r-rwol ta’ settur
amministrattiv għall-qawwiet alleati.

Dan
kien ifisser li Franza, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti spiċċaw jikkontrollaw
Berlin tal-Punent, bis-settur tal-Lvant ikun tas-Sovjetiċi.

Kien
żmien meta r-relazzjonijiet bejn l-Istati Uniti u l-Eks Unjoni Sovjetika qalbu kontinwament
għall-agħar, bil-Ħajt ta’ Berlin – rappreżentazzjoni fiżika ta’ Purtiera tal-Ħadid
– jissimbolizza din l-ostilità.


L-iskop prinċipali wara l-Ħajt ta’ Berlin kien biex ir-residenti tal-Ġermanja
tal-Lvant jinżammu milli jaqsmu għall-Ġermanja tal-Punent. Il-ħajt ma serviex
daqstant ta’ ostaklu għall-Ġermaniżi tal-Punent li setgħu jaqsmu ‘għan-naħa l-oħra’
billi jiksbu l-permess xi ġimgħat qabel. Fl-istess ħin, il-potenzi tal-Punent
ma opponewx bil-qawwi għall-kostruzzjoni tal-ħajt li kkonferma li s-Sovjetiċi
ma kinux qed jippjanaw biex jieħdu Berlin tal-Punent taħt idejhom.


L-awtoritajiet Komunisti fl-Eks Ġermanja tal-Lvant kienu lesti jieħdu miżuri drastiċi
biex ħadd ma jaqsam għall-Punent, u kienu jqisu dawn in-nies bħala tradituri.
Il-gwardjani għassa mal-ħajt ingħataw l-istruzzjonijiet biex jisparaw lejn
kulmin jaraw qed jipprova jaħrab, għalkemm mifhum li d-direttiva ma speċifikatx
li kellhom ‘jisparaw biex joqtlu’.


In-naħa tal-Punent tal-Ħajt ta’ Berlin kienet mimlija bi graffiti, kuntrarju għas-sezzjoni
tal-ħajt lejn il-Lvant.


Bħala strument ta’ propaganda, il-Ħajt ta’ Berlin ma kienx għajr diżastru li ma
għamel l-ebda ġieħ lill-Unjoni Sovjetika u l-Ġermanja tal-Lvant Komunista.
Fil-fatt serva bħala simbolu ta’ tirannija, speċjalment bil-mod kif il-Komunisti
kkontrollaw il-movimenti ta’ nieshom u bid-dispożizzjoni tal-awtoritajiet biex
jiftħu n-nar fuq il-persuni kunsidrati bħala tradituri.


Sadattant, ir-residenti f’Berlin tal-Punent kienu jużaw il-ħajt infami bħala
mezz ideali biex jeħilsu mill-iskart. Mhux l-ewwel darba li kienu ‘jqabbżu’
l-iskart għan-naħa l-oħra tal-Purtiera tal-Ħadid – wara kollox ħadd ma kien se
jordnalhom biex jaqsmu għal hemmhekk biex iġibuh lura.


Checkpoint Charlie kien jissepara z-zona tal-Punent ta’ Berlin li kienet kontrollata
mill-Amerikani minn Berlin tal-Lvant Komunista. Sadattant, il-guardhouse ta’ dan
is-settur tneħħa f’Ottubru tal-1990 u llum jinsab fl-Allied Museum f’Berlin-Zehlendorf.
Sal-2000, dak li kien fadal minn Checkpoint Charlie kien sempliċi watchtower li
żarmawh proprju fl-istess sena.


 Għalkemm id-9 ta’ Novembru tal-1989 jibqa’
magħruf bħala d-data meta waqa’ l-Ħajt ta’ Berlin, it-tkissir ‘uffiċjali’ ta’
dan il-monument għall-oppressjoni ma bediex qabel it-13 ta’ Ġunju tal-1990. Ħafna
Ġermaniżi rnexxielhom ikissru partijiet tal-ħajt li żammew bħala souvenirs jew bigħuhom
fuq l-eBay. Il-kontrolli kollha mal-fruntieri fiz-zona waqfu fl-Ewwel ta’ Lulju
tal-1990 u l-Ġermanja reġgħet ġiet rikonoxxuta bħala pajjiż sħiħ fit-3 ta’
Ottubru ta’ dik is-sena.

The post Bħal-lum 30 sena twaqqa’ l-ħajt infami appeared first on NETnews.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Net News

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here