Home Net News Il-qawwa Serba tiddomina l-isforzi tat-tim Malti

Il-qawwa Serba tiddomina l-isforzi tat-tim Malti

4
0
SHARE
Advertisement

SERBJA…………………………… 19 MALTA…………………………… 4

(5-1), (5-0), (5-1), (4-2)

It-tim nazzjonali Malti ta’ taħt is-17-il sena se jkun qed jilgħab biex jispiċċa bejn id-disa’ u t-12-il post wara li kif mistenni l-qawwa tas-Serbja kienet wisq għal Malta. Il-prestazzjoni mill-aqwa tat-Tlieta filgħaxija kontra r-Russja żgur kellha ftit effett fuq il-fiżika tal-plejers Maltin iżda dan ma kienx se jċaħħad lis-Serbi li jirbħu bi skor kbir. Huma jilagħbu għada fid-9.30am kontra l-Ġermanja jew il-Georgia.

Dan l-istess grupp lagħab mal-istess avversarji
ġimagħtejn ilu fil-Comen Cup li saret f’Sardenja, logħba li ntrebħet mis-Serbja
19-5. Jake Muscat li probabbli hu l-aħjar plejer biex jixxuttja fit-tim Malti,
kien irtirat ħafna biex jipprova x-xutt finali u kontra gowlkipers ta’ kwalità
bħal dawk tas-Serbja jkun aktar diffiċli biex jiskorja mid-distanza. Dan sar
biex l-avversarji ma jaqbdux lit-tim Malti bil-kontrattakki miċidjali tagħhom,
xi ħaġa li fil-verità mxiet mal-pjan.

Fatt li żgur il-kowċ nazzjonali Karl Izzo mhux kuntent hu
dwar il-man-ups hekk kif minn 11-il okkażjoni, it-tim Malti skorja f’okkażjoni
waħda. Fuq in-naħa l-oħra, fid-difiża kienu tattikament dixxiplinati biex ma
jagħtux opportunitajiet ta’ dan it-tip lill-avversarji. Tul il-logħba huma
kellhom biss erba’ man-ups iżda bil-kontra tat-tim Malti huma skorjaw nofshom.

Is-Serbi urew l-intenzjonijiet tagħhom mill-bidu u
kellhom vantaġġ doppju sal-ewwel żewġ minuti u nofs tal-logħba. Huma komplew
ikabbru l-vantaġġ tagħhom għal 5-0 bil-ħames gowls jaslu minn ħames plejers
differenti. It-tim Malti rnexxielu jsib ix-xibka lejn l-aħħar tas-sessjoni bi
ġmiel ta’ gowl meta Jake Muscat qassam lejn Sebastian Busuttil li nqata’ tajjeb
biex kompla għal ġewwa.

Nikola Bucan għamilhom 6-1 minuta u nofs mill-ftuħ
tat-tieni sessjoni u għal ħafna mis-sessjoni t-tim Malti kien qed jikkontrolla
mhux ħażin l-attakki tal-avversarji. Iżda fl-aħħar tliet minuti s-Serbi skorjaw
erba’ gowls mingħajr risposta, b’Luka Pljevancic jiskorja doppjetta, l-aħħar
wieħed eżatt mat-tmiem tas-sessjoni.

L-andament tal-logħba baqa’ l-istess fit-tielet sessjoni
hekk kif is-Serbja skorjat darbtejn fl-ewwel 45 sekonda permezz ta’ Stefan Gak
u Vasilije Martinovic. Bħalma ġara fis-sessjoni preċedenti, it-tim Malti kien
dixxiplinat biex ma jagħtix opportunitajiet ta’ raġel aktar lis-Serbi iżda reġa’
ġara li fl-aħħar tliet minuti s-Serbi sabu x-xibka tliet darbiet. Iż-żgħażagħ
Maltin irnexxielhom jiskorjaw it-tieni gowl minn penalty ta’ Jake Muscat li
għamel l-iskor parzjali 14-2.

Lucas Falzon naqqas id-distakk għal 15-3 fil-bidu
tal-aħħar sessjoni minn man-up, b’Vuk Milojevic, Luka Pljevancic u Aleksndar
Vasic jkabbru l-vantaġġ għal 18-3. Jake Muscat skorja t-tieni gowl personali
wkoll minn penalty, b’Aleksandar Vasic jiskorja għas-Serbja ftit wara minn
man-up. Fl-aħħar minuta, Muscat kellu penalty salvat mis-sostitut Mihajlo
Ivanovic.

Serbja: L. Durutovic, A.
Vasic (3), M. Vukazic, L. Pljevancic (5), S. Gak (1), M. Tonkovic, N. Bucan
(2), V. Milojevic (3), V. Martinovic (3), N. Cvetkovic (1), D. Janjic (1), O.
Vasovic, M. Ivanovic

Malta: M. Vassallo, J.
Farrugia, N. Schiavone, G. Melillo, M. Carani, B. Cachia, L. Falzon (1), S.
Busuttil (1), G. Farrugia, J. Bonavia, M. Chircop, J. Muscat (2), M. Rossi

Referees: Veselin Miskovic
(Montenegro), Ante Bura (Kroazja)

The post Il-qawwa Serba tiddomina l-isforzi tat-tim Malti appeared first on NETnews.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Net News

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here