Home Net News Il-Greċja: Qerda ta’ foresta unika min-nirien…

Il-Greċja: Qerda ta’ foresta unika min-nirien…

3
0
SHARE
Advertisement

Nirien li qabdu fuq il-gżira Griega
ta’ Evia qerdu parti kbira minn ‘foresta unika ddominata mis-siġar tal-arżnu’,
bl-iskwadri għall-emerġenzi jagħmlu li jistgħu biex iżommu l-fjammi taħt
kontroll.

Mijiet ta’ nies spiċċaw evakwati
mill-villaġġi tal-madwar, bin-nirien jinfirxu b’ritmu mgħaġġel wara li kienu
qabdu fis-sigħat bikrin tat-Tlieta.

Il-fjammi litteralment ‘belgħu’
l-artijiet ta’ foresta, bl-Aġent Gvernatur Reġjonali, Kostas Bakoyannis
jammetti li f’dan il-każ ‘qegħdin jaraw diżastru ekoloġiku mill-akbar’.

‘Il fuq minn 200 membru tal-iskwadri
għal kontra d-diżastri naturali kienu qed jikkumbattu man-nirien, bl-għajnuna
ta’ għexieren ta’ fire-engines, ħelikopters u ajruplani attrezzati għal dawn
is-sitwazzjonijiet.

L-Italja u Spanja wkoll offrew xi
ajruplani addizzjonali biex jitfgħu l-ilma għal fuq foresti ta’ Evia, li hi
t-tieni l-akbar gżira tal-Greċja.

Il-Prim Ministru Grieg, Kyriakos
Mitsotakis, ħassar il-btajjel tas-sajf b’kaġun tal-kriżi waqt li radd ġieħ lill-membri
tal-iskwadri għall-emerġenzi ‘li kienu qegħdin jagħmlu minn kollox possibbli
biex jikkontrollaw il-fjammi.’

L-awtoritajiet fir-reġjun, intant,
qalu li ‘is-sitwazzjoni setgħet kienet qed taqleb għall-aħjar’ wara l-aħħar
sforzi bla heda minn dawn l-iskwadri.

Fil-fatt, Christos Stylianides,
il-Kummissarju tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Umanitarji, issuġġerixxa li,
għalkemm diffiċli, l-awtoritajiet għall-emerġenzi ‘għad jistgħu jillimitaw
it-telf fuq bażi ekoloġika’.

Il-Greċja, is-sena l-oħra, ukoll
kienet ġarrbet l-effetti traġiċi ta’ nirien qalb foresta, meta l-fjammi qerdu
zoni tas-siġar tal-arżnu madwar Ateni, bir-riżultat li kienu tilfu ħajjithom
madwar 100 persuna.

The post Il-Greċja: Qerda ta’ foresta unika min-nirien… appeared first on NETnews.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Net News

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here