Home TVM (Bil-Malti) Frappart: Nittama li aktar nisa jitħajru jsiru referis

Frappart: Nittama li aktar nisa jitħajru jsiru referis

4
0
SHARE
Advertisement

“Ninsab kuntenta ħafna. Nittama li dan l-avveniment iservi sabiex aktar nisa jitħajru jsiru referis u fuq kollox li aktar tfajliet jarawni bħala eżempju.” Dawn huma kliem ir-referi Franċiża Stephanie Frappart li llejla ser tkun qed tikkontrolla l-finali tas-Super Cup Ewropea bejn Liverpool u Chelsea.

Għall-istatistika, din hi l-ewwel darba fl-istorja li uffiċjal femminili ser tkun qed tikkontrolla partita futbol tal-UEFA. Frappart kienet qed tagħti dawn il-kummenti lis-sit uffiċjali tal-assoċjazzjoni Ewropea tal-futbol. Hi għandha 35 sena u ilha referi sa mis-sena 2011 meta bdiet tikkontrolla xi logħbiet tat-tielet diviżjoni Franċiża. Ftit ftit hi bdiet tiela’ skaluna wara l-oħra tant li fit-28 t’April li għadda wettqet waħda mill-ħolmiet tagħha meta kkontrollat partita mill-ogħla diviżjoni Franċiża bejn SC Amiens u RC Strasbourg. Issa waslet ħolma ferm aktar u Frappart tinsab ferm eċitata iżda ffukata fuq il-konfront tal-lejla.

“Ili għal dawn l-aħħar jumejn nitħarreġ fiżikament flimkien mal-uffiċjali l-oħra filwaqt illi ppruvajna kull dettall possibbli,” temmet tgħid Frappart.

Anke ż-żewġ kowċis rispettivi, Jurgen Klopp ta’ Liverpool u Frank Lampard ta’ Chelsea tkellmu dwar dan l-appuntament tant prestiġġjuż.

Bħas-soltu Klopp ma naqasx li jixħet dik il-botta fina tiegħu meta qal li llum beħsiebu joqgħod aktar bil-għaqal minn fuq il-bank ta’ Liverpool u joqgħod lura milli jgħaddi xi kumment żejjed. Min-naħa tiegħu Lampard sostna li jħossu onorat li jinsab parti minn dan l-avveniment u awgura li aktar uffiċjali nisa jiġu maħtura sabiex jikkontrollaw logħbiet prestiġġjużi bħal dawn.

Din il-partita li tlaqqa’ kontra xulxin ir-rebbieħa tal-UEFA Champions League u dawk tal-UEFA Europa League ser tintlagħab f’Istanbul fit-Turkija u tibda fid-9pm u tixxandar diretta fuq TVM 2.

The post Frappart: Nittama li aktar nisa jitħajru jsiru referis appeared first on TVM Maltese.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit TVM (Malti)

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here