Home One News Mhux football biss… iħejju rapport dwar l-impatt soċjali

Mhux football biss… iħejju rapport dwar l-impatt soċjali

4
0
SHARE
Advertisement

Il-mitejn u tletin tifel u adoloxxenti li jattendu n-nursery tal-klabb tal-futbol tal-Fgura, qed jitħarrġu u jitgħallmu ferm iżjed minn dak li għandu x’jaqsam mal-logħba tal-ballun.

Dan hekk kif l-amministrazzjoni tal-klabb temmen bis-sħiħ li għandha tiżra’ ċertu valuri fit-tfal sa minn ċkunithom.

Il-President tal-klabb Larkin Bonnici spjega li dan isir b’numru ta’ attivitajiet soċjali u edukattivi tul l-istaġun, u għall-ewwel darba din is-sena, dwarhom se jsir rapport imsejjaħ “Social Impact Report”.

Rapport li se jelenka l-attivitajiet kollha li saru lokali u internazzjonali, u li jinkludi wkoll stħarriġ mal-ġenituri – bil-maġġoranza tagħhom huma sodisfatti bis-servizzi li joffri l-klabb – kemm sportivi u lil’hinn.

“Apparti taħriġ ta’ futbol ta’ ċertu livell, nagħmlu wkoll diversi attivitajiet soċjali u edukattivi fosthom l-after-school programme, fejn it-tfal wara l-iskola jiġu jieklu flimkien, jagħmlu l-homework flimkien taħt is-superviżjoni ta’ edukaturi professjonali, u wara jitilgħu fil-ground u jagħmlu t-taħriġ ta’ rutina tagħhom.”

Attivitajiet li l-mod li bih jiġu ppjanati, jagħmel l-edukazzjoni attraenti għaċ-ċkejknin, filwaqt li jqattgħu aktar ħin flimkien ma’ sħabhom u jitgħallmu jkunu tolleranti għall-ideat ta’ xulxin.

L-eċitament għal dawn l-attivitajiet kien jidher f’għajnejn it-tfal li ltqajna magħhom f’wieħed mis-Sibtijiet sajfin li matulhom qed issir is-summer school.

Wara t-taħriġ sportiv, dawn jitqassmu fi gruppi żgħar biex min jieħu l-kolazzjon, u min ipinġi u jkun kreattiv bl-arti.

Kien hemm ukoll dawk li qasmu ma’ sħabhom x’kotba qraw fil-jiem li għaddew.

Fuq kollox, kif spjega l-President tal-klabb, dan kollu jsir biex filwaqt li jitħarrġu plejers professjonali għall-futur, jikbru b’valuri soċjali li jrawwmu lill-irġiel ta’ għada.

“Nemmnu li għandna wkoll obbligu soċjali fil-komunità u għaldaqstant irridu nagħtu l-input tagħna biex għada pitgħada jkollna rġiel maturi fil-komunità tagħna.”

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit One News

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here