Home One News Missier jeħel sentenza sospiża wara li hedded lil bintu li jgħaddi minn...

Missier jeħel sentenza sospiża wara li hedded lil bintu li jgħaddi minn fuqha b’karozza

18
0
SHARE
Advertisement

Missier ingħata sentenza sospiża wara li qies il-passi ta’ bintu li għandha care order, b’mod persistenti u bbumbardjaha b’messaġġi ta’ theddid filwaqt li ta fastidju lil care workers tal-aġenzija Appoġġ.

Ir-raġel ta’ tmienja u ħamsin sena li hu oriġinarjament mis-Sirja ttella’ l-Qorti wara li l-aġenzija rrapurtat lir-raġel lill-pulizija.

Ir-raġel ġie akkużat mill-Ispettur Elliott Magro li kiser kundizzjonijiet ta’ ordni ta’ protezzjoni, talli għamel użu ħażin ta’ oġġetti elettroniċi u talli wżahom biex jgħaddi messaġġi ta’ theddid.

Fil-Qorti ngħad li f’sena għamel diversi telefonati lill-aġenzija biex jitkellem mas-social workers u l-maniġer li waqt il-kawża taw x-xhieda u stqarru li ġieli rċivew telefonati darbtejn jew tlett darbiet fil-ġimgħa.

Uffiċjali mill-aġenzija Appoġġ stqarru li l-akkużat segwa lit-tifla tiegħu kemm -il darba minkejja l-fatt li t-tifla kienet qiegħda tgħix ħajja tajba fid-dar residenzjali li l-aġenzija ħaditha fiha. Ir-raġel kien imur quddiem l-istess dar jew quddiem l-iskola beix jipprova jagħmel kuntatt magħha.

Social worker mara xehdet li ħassitha ffastidjata bit-telefonati tal-missier li ġieli laħqu għall-ammont ta’ erba’ f’ġurnata waħda.

Kien hemm episodju partikolari fejn ir-raġel mar l-aġenzija u lmenta li ħadd ma kien qed jagħti kasu. Minkejja dan, hu bl-ebda mod ma kien aggressiv.

It-tifla xehdet quddiem il-qorti ppresedutha mill-Maġistrat Caroline Farrugia u qalet li missierha kemm -il darba bagħtilha messaġġi u imejls miżgħuda bit-theddid u stqarret li darba rrekordjat telefonata mingħand missierha fejn qal li ser jgħaddi minn fuqha b’karozza jekk jinzerta jaraha barra.

It-tifla spjegat ukoll li hi ma kienitx għal qalbha fid-dar tal-aġenzija u kemm -il darba ħarbet u sabet refuġju fid-dar ta’ missierha u xi drabi kienet toqgħod għand sħabha. Saħansitra darba minnhom staħbiet f’bagoll ta’ karozza ggaraxxjata.
Waqt li kienet qed tagħti s-sentenza l-Maġistrat innutat li l-evidenza preżentata fil-każ kollha jammontaw għar-reat ta’ fastidju. Minkejja dan, ma kien hemm l-ebda evidenza li wriet li kien hemm ksur ta’ ordni ta’ protezzjoni.

Il-prosekuzzjoni ma ppruvatx fil-qorti li r-raġel għamel użu ħażin t’apparat elettroniku u b’hekk il-qorti kkundannatu għal disa’ xhur ħabs sospiżi għal tlett snin filwaqt li imponiet fuqu ordni tat-trażżin ta’ tlett snin.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit One News

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here