Home Net News Niddefendu lil pajjiżna, r-reputazzjoni tiegħu u l-impjiegi tagħkom – Adrian Delia

Niddefendu lil pajjiżna, r-reputazzjoni tiegħu u l-impjiegi tagħkom – Adrian Delia

7
0
SHARE
Advertisement

Il-Partit Nazzjonalista se jkompli jiddefendi lil pajjiżna, lir-reputazzjoni tiegħu u lill-impjiegi ta’ kull Malti u Għawdxi. Jien ma ngħidilkomx biex tkunu miegħi, imma ngħidilkom li se naħdem biex Malta jkollha reputazzjoni tajba, biex il-poplu kollu jgawdi minn ħidmietu, biex f’pajjiżna jkun hawn aktar sigurtà, biex ikollna aktar ambjent nadif, biex tissaħħaħ id-demokrazija, u biex fejn tidħol is-saħħa, ma jkunx hemm distinzjoni bejn min hu sinjur u fqir.

Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt attività politika fil-Mosta. Huwa qal li r-rapport tal-Kunsill tal-Ewropa qed jikkundanna l-aġir tal-Gvern Soċjalista Malti, li qed juri li ma jimpurtahx mir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Dan ir-rapport isegwi dawk tal-Kummissjoni Venezja, tal-GRECO, tal-Moneyval u anke tal-Kummissjoni Ewropea. Huwa qal li l-Kunsill tal-Ewropa qed jikkonkludi li dak li qed jiġri f’Malta la hu normali u lanqas demokratiku.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-aġir tal-Gvern se jkollu konsegwenzi fuq il-Maltin u l-Għawdxin. Huwa spjega kif flok jiddefendi lill-Maltin u lill-Għawdxin, il-Gvern qed jagħżel li jibqa’ jiddefendi l-ħażin u lil dawk li qed iħammġu isem pajjiżna. Qal li min jgħid il-verità mhux negattiv, imma negattiv hu min jagħmel il-ħsara.

Adrian Delia sostna li l-ġlieda tal-Partit Nazzjonalista mhix mal-Maltin u l-Għawdxin, imma kontra l-korruzzjoni, kontra r-razziżmu, u kontra t-theddida għad-demokrazija f’pajjiżna. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista se jibqa jaħdem biex jerġa’ jikseb reputazzjoni tajba għal pajjiżna.

Adrian Delia spjega wkoll kif il-Partit Nazzjonalista qed joħroġ proposta wara l-oħra biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin. Fost l-oħrajn, il-Partit Nazzjonalista ressaq 30 proposta għall-ġlieda kontra l-kanċer, 20 proposta dwar id-dijabete, 15-il proposta dwar id-dyslexia, 18-il proposta fil-ġlieda kontra l-mard mentali, 10 proposti għall-bdiewa, r-raħħala u s-sajjieda, kif ukoll 32 proposta għall-qasam sportiv.

Adrian Delia sostna li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jinsisti li Malta tiddeċiedi hi dwar is-sistema tat-taxxa tagħha, kuntrarju għall-Partit Soċjalista li jrid li jpoġġi 27,000 impjieg f’riskju.

Sadanittant, fl-attività tkellem ukoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Edwin Vassallo, li qal li fil-Mosta, il-Partit Laburista dejjem kien fil-paniku. Kompla li għandna nkunu kburin bil-valuri Nsara li sawwru u għadhom qed jiggwidaw lill-Partit Nazzjonalista

Il-Kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Peter Agius qal li hu d-dover tal-politiċi tal-lum li jippriservaw dak li ħallewlna missirijietna. Għax bħalma missirijietna daħħluna fl-Unjoni Ewropea, aħna rridu noħorġu l-frott ta’ dik il-ħidma.

Il-Kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Frank Psaila qal li bħal f’ċirkostanzi oħra, jħoss li għandu jtenni l-apoloġija ma’ dawk li jħossuhom politikament orfni għax il-Partit Nazzjonalista forsi ma tax kashom meta kien fil-Gvern, minkejja li ra li pajjiżna jkompli miexi ‘l quddiem.

L-MEP u Kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola rringrazzjat lil kulmin kien involut f’din il-kampanja elettorali għax temmen li l-ħidma li saret ma kinitx biss għall-Partit Nazzjonalista, iżda biex pajjiżna jkompli jgawdi bis-sħubija fl-Unjoni Ewropea.

The post Niddefendu lil pajjiżna, r-reputazzjoni tiegħu u l-impjiegi tagħkom – Adrian Delia appeared first on NETnews.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Net News

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here