Home Newsbook Kieku ma kontx fdat kont titfagħni nipproteġi lill-PM? – suldat imkeċċi

Kieku ma kontx fdat kont titfagħni nipproteġi lill-PM? – suldat imkeċċi

4
0
SHARE
Advertisement

L-eks-Bombardier Godwin Schembri, li tkeċċa minn fuq xogħolu wara filmat tiegħu li xxerred fuq il-midja soċjali staqsa diversi mistoqsijiet lill-Brigadier tal-armata Jeffrey Curmi fosthom għaliex fl-2017 kien tefgħu jipproteġi lill-Prim Ministru Joseph Muscat jekk verament ma kienx suldat avdat.

Aqra: Is-suldat li tkeċċa bi protest biex jieħu xogħlu lura

Dan il-messaġġ ġie b’reazzjoni għal artiklu ppubblikat online mill-media tal-Partit Laburista li jgħid li Schembri ma tkeċċiex mill-Armata minħabba l-filmat tiegħu fuq il-midja soċjali fejn uża kliem aħrax u kkritika l-armata, iżda minħabba nuqqasijiet serji oħrajn li wettaq matul il-karriera tiegħu. L-artiklu kien qed jikkwota rikors imressaq il-Qorti minn Curmi bi tweġiba għall-kawża li fetaħ Schembri.

F’messaġġ fuq Facebook, Schembri għamel serje ta’ seba’ mistoqsijiet jistaqsi għaliex kien ingħata numru ta’ rwoli importanti matul il-karriera tiegħu jekk verament ma kienx bniedem avdat u eżemplari. Jidher li Schembri kien Drill Instructor inkarigat milli jħarreġ lis-suldati ġodda, spjega li kien intbagħat għal xi żmien iservi lill-pajjiż barra minn Malta ma’ Frontex. Hu semma li fl-2014 intagħżel biex ikun Drill Instructor inkarigat mill-gwardja tal-President. Qal ukoll li taħt it-tmexxija tal-istess Brigadier hu kien wieħed minn 18-il suldat li kienu jiffurmaw skwadra tas-Silent Drill Team li kienet taħdem fuq bażi volontarju. Sostna li meta kienet tinqala’ xi ħaġa kbiera fil-pajjiż bħall-każ tal-hijack, hu kien jirċievi telefonata biex jidħol għax-xogħol. Imbagħad qal li fl-2018 hu ġie nominat u rrakommandat minn bord militari sabiex jilħaq Surġent.

Aqra: “Tilef xogħlu fuq filmat ta’ minuta; injoraw il-kapaċitajiet tiegħu”

Mal-mistoqsijiet tiegħu, Schembri tella’ wkoll numru ta’ ritratti bħala prova li dak li qed jgħid huwa veru.

Intant, il-ġurnal tal-Partit Laburista kompla jgħid li r-rikors semma kif matul il-karriera militari tiegħu Schembri ħammeġ il-fedina penali tiegħu numru ta’ drabi. Ġie sostnut li nstab ħati mill-Qorti wkoll li kkawża ġrieħi ħfief fuq terzi u li saq b’mod traskurat u eċċessiv. Intqal li matul il-karriera tiegħu akkumula aktar minn 20 charge dwar reati militari, li kien instab ħati għalihom u saħansitra twiddeb tliet darbiet.

The post Kieku ma kontx fdat kont titfagħni nipproteġi lill-PM? – suldat imkeċċi appeared first on Newsbook.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Newsbook

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here