Home Net News Ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna ġiet imtappna mill-Gvern Soċjalista li qed jiġbed fuqu kritika...

Ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna ġiet imtappna mill-Gvern Soċjalista li qed jiġbed fuqu kritika ħarxa

8
0
SHARE
Advertisement

“Ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna ġiet imtappna mill-Gvern Soċjalista li qed jiġbed fuqu kritika ħarxa fosthom tal-Kunsill tal-Ewropa, li qed jisħaq kif f’pajjiżna jeħtieġ riforma kbira.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt attività politika fin-Nadur bit-tema Flimkien għal Pajjiżna.

Adrian Delia qal li llum il-midja rrappurtat kif dan ir-rapport tal-Kunsill tal-Ewropa jisħaq li s-saltna tad-dritt f’pajjiżna tinsab imminata minħabba n-nuqqas kbir ta’ checks and balances u li d-djufijiet f’Malta huma sors ta’ vulnerabbilità tal-Ewropa kollha. Dr Delia qal li dan ifisser li pajjiżi oħra Ewropej iħarsu lejn pajjiżna bħala theddida u mhux bħala opportunità għall-investiment u dan minħabba l-ħsara lir-reputazzjoni li għamel il-Gvern Soċjalista. Il-Kunsill tal-Ewropa qed jistenna li fi żmien tliet xhur issir inkjesta pubblika indipendenti li tara li l-obbligi kollha ta’ pajjiżna jitwettqu.

Adrian Delia qal li r-rapport tal-Kunsill tal-Ewropa jirrimarka dwar il-bżonn ta’ skrutinju tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru u li jkun hawn indipendenza tal-istituzzjonijiet u tal-ġudikatura, hekk kif il-Gvern Soċjalista qed jara kif se jaħtaf il-Qrati taħt idejh. Huwa qal li r-rapport jirrimarka fuq is-sens ta’ impunità li hawn f’pajjiżna u dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fejn għadu ma nstabx min kien li ordna dan il-qtil. Adrian Delia qal li l-Oppożizzjoni kienet ressqet mozzjoni fil-Parlament biex jiġi stabbilit jekk dan il-qtil setgħax ġie evitat.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-Gvern Soċjalista ma jimpurtahx minn Għawdex u nesieh fil-budget b’numru ta’ proġetti li jiġu mwegħda minn budget għall-ieħor u jibqgħu ma jsirux. Huwa qal li fil-Munxar kellhom ikunu l-kunsillieri tal-PN li tkellmu għar-residenti wara li l-Gvern Soċjalista ried li jibni demmiela b’detriment għal-lokalità. Dan bħalma kellhom ikunu l-kunsillieri tal-PN li tkellmu għax-Xagħrin wara li l-Gvern Soċjalista ried jerġa’ jiftaħ il-miżbla tal-Qortin.

Adrian Delia tkellem dwar il-konnettività bejn il-gżejjer u kif l-Oppożizzjoni ressqet emenda li sakemm isiru l-istudji u l-konsultazzjonijiet dwar il-mina, jeħtieġ li jkun hemm soluzzjonijiet li jsiru minnufih biex l-Għawdxin ma jistennew sakemm il-proġett tal-mina jitlesta. Dan wara li l-Gvern Soċjalista neħħa s-servizz tal-cargo ferry minn Sai Maison, għadna qed nistennew il-fast ferry service u r-raba’ vapur li ġab huwa eqdem mill-iktar vapur qadim bħalissa.

Adrian Delia qal li n-nhar is-Sibt li ġej l-poplu għandu quddiemu elezzjonijiet li jiddeterminaw il-futur ta’ pajjiżna. Huwa qal li l-poplu għandu quddiemu l-għażla li jsalva d-demokrazija u li jrid soċjetà li jimpurtaha mid-demokrazija u l-ħarsien tas-saltna tad-dritt. 

The post Ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna ġiet imtappna mill-Gvern Soċjalista li qed jiġbed fuqu kritika ħarxa appeared first on NETnews.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Net News

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here