Home Newsbook Tatu daqqiet ta’ sikkina; kienet ilha tirrapporta lill-Pulizija

Tatu daqqiet ta’ sikkina; kienet ilha tirrapporta lill-Pulizija

10
0
SHARE
Advertisement

Il-Qorti staqsiet lill-pulizija dwar kemm jittieħdu bis-serjetà rapporti li jsiru fuq vjolenza domestika. Dan ħareġ wara li tfajla ta’ 27 sena qed tiġi akkużata li tat daqqiet ta’ sikkina lis-sieħeb tagħha u laqtitu f’żaqqu. Fil-Qorti ħareġ li t-tfajla għamlet diversi rapporti lis-sieħeb tagħha fuq vjolenza domestika.

L-ispettur qal li l-pulizija ġew infurmati bil-każ wara li s-sieħeb tal-akkużata mar f’Ċentru tas-Saħħa biex jiġi kkurat għal-ġrieħi li sofra. Huwa kien qed isofri minn daqqiet ta’ arma li taqta’ u bil-ponta. Spjega li r-raġel kien qala’ diversi daqqiet mingħand is-sieħba tiegħu. Wara li għamlu tfittxija għall-mara, il-pulizija sabuha f’Ċentru tas-Saħħa ieħor minħabba li kienet qed issofri minn ġrieħi f’wiċċha.

L-ispettur spjega li r-raġel qallu li l-koppja kellhom argument li eskala, bil-mara taqbad imqass żgħir u bdiet ttih bih. Kompla li wara daħlet fil-kċina u minn hemm ġabet sikkina kbira u tatu daqqa f’żaqqu.

L-avukat difensur qal li l-akkużata mhijiex ħatja tal-akkużi miġjuba kontrieha. Spjega li l-mara għamlet diversi rapporti ta’ vjolenza domestika iżda min-naħa tal-pulizija qatt ma ttieħdet azzjoni. Fil-Qorti l-avukat qara minn rapport li sar fi Frar li għadda fejn jgħid li l-vittma sawwat lis-sieħba tiegħu f’Paceville. Kompla li l-pulizija min-naħa tagħhom kulma għamlu kien li kellmuh iżda qatt ma ħadu azzjoni.

L-avukat kompla li kien hemm diversi rapporti oħra fejn il-mara kienet irrapurtat li kien isegwiha u jheddida, iżda dawn ir-rapporti ġew injorati. L-avukat difensur qal li dak li għamlet il-mara kien biex tipproteġi lilha nnifisha.

L-avukat difensur qal li l-akkużata trid twieġeb għal għemilha iżda din għandha tifel li huwa nieqes mis-smigħ. Huwa qal li jekk se jippenalizzaw lill-omm se jippenalizzaw ukoll lit-tifel meta dawn ta’ spiss kienu jiġu tterrorizzati. Żied li l-mara m’għandhiex biex taħrab mill-pajjiż u hija mwerwra minn żewġha. Huwa saħaq li min-naħa tagħha hija rrapurtatu diversi drabi lill-istess spettur li ressaqha dwar dan il-każ.

Min-naħa tiegħu l-ispettur qal li huwa minnu li l-mara mhux għaddejja minn mumenti faċli madankollu jekk din se tingħata l-libertà proviżorja hemm riskju li jsir reat ieħor. L-avukat difensur wera ritratt tal-mara b’wiċċha kollu demm u qal li għalkemm l-inċident huwa serju, l-istorja passata hija serja wkoll.

Min-naħa tagħha l-Qorti laqgħet it-talba tad-difiża fuq depożitu ta’ €300 u garanzija personali ta’ €3000. Hija ngħatat ukoll ordni ta’ protezzjoni għal perjodu ta’ tliet snin u ma tistax tkellem jew tagħmel kuntatt mas-sieħeb tagħha. Il-mara ngħatat struzzjonijiet x’għandha tagħmel jekk is-sieħeb tagħha javviċinaha.

The post Tatu daqqiet ta’ sikkina; kienet ilha tirrapporta lill-Pulizija appeared first on Newsbook.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Newsbook

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here