Home Net News Il-PN kommess li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-familji u li jibqa’ jiddefendi l-ħajja

Il-PN kommess li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-familji u li jibqa’ jiddefendi l-ħajja

5
0
SHARE
Advertisement

“Il-Partit Nazzjonalista huwa kommess li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-familji u li jibqa’ jiddefendi l-ħajja. Se ntejbu l-kwalità tal-ħajja tal-familji li huma l-qafas tas-soċjeta tagħna permezz tal-manifest elettorali li huwa mimli proposti.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt attività politika fil-Belt Valletta bit-tema Flimkien għal Pajjiżna.

Fi stqarrija li ħareġ il-Partit Nazzjonalista qal li Dr Delia saħaq li l-Gvern Soċjalista qed jaħrab milli jitkellem fuq dak li jolqot il-familji Maltin u Għawdxin u issa qed jaħrab ukoll mill-Parlament billi waqqaf dibattiti importanti. Dwar ix-xogħol, Adrian Delia qal li l-PN irid joħloq xogħol ta’ kwalità b’pagi tajbin. Dan meta l-ħaddiema mhumiex ilaħħqu mal-ħajja u l-Gvern qed jimporta l-ħaddiema barranin bla pjan, li qed tkompli tagħti daqqa ‘l isfel lill-pagi tal-ħaddiema Maltin u l-Għawdxin.

Huwa qal li għall-PN m’hawnx klassi differenti ta’ ħaddiema u kull tip ta’ xogħol huwa importanti fis-soċjetà. Adrian Delia qal li fl-edukazzjoni pajjiżna għandu t-tieni l-għola rata ta’ studenti li qed jitilqu kmieni mill-iskola u dan qed iwassal biex ma jiksbux il-ħiliet neċessarji sabiex jimmiraw għall-impjiegi b’pagi għoljin.

L-istqarrija tkompli tgħid li Adrian Delia saħaq li l-bniedem hu l-aqwa riżorsa u l-PN se jibqa’ jinvesti fil-ħaddiema. Adrian Delia qal li l-Partit Soċjalista jrid jiftaħar b’xogħol ħaddiehor meta jitkellem dwar il-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol, hekk kif dan huwa riżultat miksub mill-MEP tal-PN David Casa fil-Parlament Ewropew. Huwa staqsa jekk il-Gvern Soċjalista hux dispost li dawn id-drittijiet il-ġodda tal-work life balance li rbaħna għall-ħaddiema se jaċċerthom u lest li jwiegħed lill-ħaddiema kollha li dawn id-drittijiet jibdew jitgawdew minn kulħadd kif se jiġri fl-Ewropa. Dwar is-saħħa, Adrian Delia qal li l-PN nieda 30 proposta biex insaħħu l-ġlieda kontra l-kanċer u li dawn issa se jittieħdu fuq livell Ewropew permezz ta’ master plan li qed iwiegħed il-Partit Popolari Ewropew fil-manifest tiegħu.

Dr Delia għamel referenza wkoll għal 20 proposta li l-Partit Nazzjonalisa nieda biex intejbu l-kwalità tal-ħajja tal-persuni li jgħixu bid-dijabete. Fuq in-naha l-ohra hemm il-Gvern Soċjalista li qed jinjora s-saħħa mentali u li mhux lest li jinvesti fl-isptar Monte Karmeli u dan meta r-rata ta’ problemi ta’ saħħa mentali li qed jiżdiedu. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia rrefera għal bosta rapporti li juru kif l-l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel f’pajjiżna sejra lura u kif il-Gvern Soċjalista qed jidħak bin-nies. Huwa qal li wasal iż-żmien li nassiguraw li n-nisa jitħallsu daqs l-irgiel għall-istess xoghol. Adrian Delia fakkar ukoll li l-manifest elettorali tas-Soċjalisti Ewropej għandu miktub iswed fuq l-abjad li jridu jimponulna l-abort bi dritt. Huwa qal li kien ta’ għajb kif il-Gvern Soċjalista għażel li jaħrab minn dibattitu dwar il-protezzjoni tal-embrijuni u mingħajr konsultazzjoni aġġorna l-Parlament għal wara l-elezzjoni tal-25 ta’ Mejju.

L-istqarrija tagħlaq bil-messaġġ ta’ Adrian Delia fejn qal li filwaqt li l-Gvern irid isikket lill-Oppożizzjoni, l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jkun il-vuċi tal-Maltin u l-Għawdxin.

The post Il-PN kommess li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-familji u li jibqa’ jiddefendi l-ħajja appeared first on NETnews.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Net News

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here