Home Net News Ir-Russja ffastidjata li ma tħallietx tuża l-ispazju tal-ajru Malti

Ir-Russja ffastidjata li ma tħallietx tuża l-ispazju tal-ajru Malti

8
0
SHARE
Advertisement

Rapporti f’aġenziji internazzjonali qed jirrapportaw li
l-Gvern ta’ Moska hu ffastidjat mal-Gvern Malti wara li talbet biex isiru
titjiriet fl-ispazju tal-ajru Malti minn ajruplani militari Russi bejn is-Sirja
u l-Veneżwela, ma kenux milqugħa.

Dan l-iżvilupp ġdid qed iseħħ fl-isfond ta’ informazzjoni
żvelata minn In-Nazzjon f’dawn il-jiem fis-sens li l-ispazju tal-ajru Malti
qiegħed jintuża b’mod kontinwu u regolari mill-militar Amerikan, Ingliż, Taljan
u Franċiż bl-iskop li jottjenu informazzjoni u data dwar dak li qed jiġri
fil-Libja.

B’dawn l-iżviluppi Malta faċilment tista’ tinqabad
f’salib it-toroq bejn dawn il-pajjiżi fis-sens li filwaqt li pajjiżna għandu
spazju kbir ħafna tal-ajru u aħna żgħar wisq biex inmantnuh, hemm qawwiet
militari li jużawh u oħrajn li wara li 
jitolbu ma jitħallewx jużawh.

Jirriżulta fl-isfond ta’ dan żvelat f’In-Nazzjon, li l-Gvern
ta’ Moska hu ffastidjat li filwaqt li qawwiet tal-ajru oħrajn qed jużaw dan
l-ispazju tal-ajru għall-vantaġġ tagħhom, ajruplani Russi ma tħallewx jagħmlu
dan, anki jekk ir-raġuni uffiċjali mogħtija lill-Gvern Malti fit-talba li saret
kienet waħda umanitarja.

L-aġenzija BuzzFeed News kienet rapportata li qalet li
fl-isfond ta’ dan ix-xenarju diskriminatorju fil-konfront tal-ajruplani
militari Russi, mhux eskluż li l-Gvern ta’ Moska jkun iffastidjat. Dan wara li
l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Malti rrifjuta talba uffiċjali
mill-Ambaxxata Russa biex ajruplani militari Russi jużaw l-ispazju tal-ajru
Malti.

Nifhmu li t-talba li saret minn Moska kellha l-iskop li
ajruplani militari Russi jużaw l-ispazju tal-ajru Malti waqt titjiret bejn
is-Sirja u l-Veneżwela.

Tajjeb li jingħad li diġà fil-ġimgħat li għaddew
ajruplani militari Russi dehru fl-ajruport internazzjonali Caracas,
fil-Veneżwela, li bħalissa għaddejja minn mumenti ta’ tensjoni fejn iżda
l-Gvern tal-President Nicolas Maduro għandu l-appoġġ ta’ Moska kontra l-appoġġ
li l-Istati Uniti qed tagħti lill-Oppożizzjoni.

Fil-media internazzjonali kien rapportat ukoll kif
ajruplan militari Russu ftit tal-jiem ilu uża l-ispazju tal-ajru ta’ diversi
pajjiżi waqt titjira li kien qiegħed jagħmel. Fil-fatt nhar it-23 ta’ Marzu li
għadda dan l-ajruplan militari Russu għadda mill-ispazju tal-ajru Ċiprijott,
Grieg u anki Malti.

Skont l-aġenzija Buzzfeed, persuna influwenti fil-Korp
Diplomatiku Russu ikkummentat li Moska kienet għamlet talba lill-Gvern Malti
permezz tal-Ambaxxata Russa biex żewġ ajruplani Russi jużaw l-ispazju tal-ajru
Malti bejn is-16 u d-19 ta’ April u dan biex jagħmlu titjiriet umanitarji bejn
Caracas u s-Sirja, u lura. F’din it-talba u f’dawn it-titjiriet kienu se jinġarru provvisti ta’ ikel,
mediċini u bżonnijiet umanitarji oħrajn biex jintużaw fil-Veneżwela. Ingħad
b’mod speċifiku li f’dawn it-titjiriet ma kenux se jinġarru armamenti jew
splussivi.

In vista ta’ dan ix-xenarju,
issa hu żvelat kif is-Servizz Sigriet Malti (MSS)
qiegħed ikompli jsegwi mill-qrib ħafna l-movimenti li qed isiru fi Tripli u
fl-inħawi b’rabta mal-gwerra ċivili li qed issir fil-pajjiż bejn dawk li huma
leali lejn il-Gvern provviżorju tal-pajjiż qed ikunu attakkati bl-aktar mod
feroċi mir-ribelli li kulma jmur qed javviċinaw aktar il-kapitali.

Filwaqt li kulma jmur qed jinħarġu aħbarijiet fis-sens li l-kunflitt
fil-Libja reġa’ eskala ħafna u qed jilħaq livell ta’ preokkupazzjoni kbira anki
għall-istabbiltà fil-Mediterran, jirriżulta li ftit fadal tama ta’ waqfien
mill-ġlied bejn il-forzi tal-Prim Ministru proviżorju Fayez al-Serraj u
r-ribelli leali lejn il-Ġeneral Khalifa Haftar.

Nifhmu li
s-Servizz
Sigriet Malti fil-jiem li għaddew żied jiffoka fuq dak li qed jiġri fil-Libja
mhux biss minħabba li dan hu ġar viċin ta’ pajjiżna, iżda minħabba li
l-attentati għad-dħul f’pajjiżna minn terzi jista’ jkun aktar minn probabbli.

Fil-ksib
tal-informazzjoni l-MSS Malti joqgħod ħafna fuq l-informazzjoni li tingħatalu
minn counterparts oħrajn fil-Mediterran li għandhom aċċess akbar
għall-movimenti tar-ribelli lejn il-qagħdiet kontrollati minn dawk leali lejn
il-President Fayez al-Serraj.

Indirettament
pajjiżna hu involut f’dan ix-xenarju minħabba li spiss ħafna l-ispazju tal-ajru
kontrollat minn Malta qed jintuża minn qawwiet militari bħall-Istati Uniti,
l-Ingilterra, Franza u l-Italja biex jiksbu data importanti dwar dak li qed
jiġri kemm fi Tripli kif ukoll fiż-żoni immedjati tal-madwar.

Nifhmu li
t-Torri tal-Kontroll Malti fl-Ajruport Internazzjonali ta’ pajjiżna qiegħed isegwi mill-qrib ħafna wkoll il-movimenti
fl-ispazju tal-ajru Malti bi dħul u ħruġ ta’ ajruplani militari li jkunu qed
isegwu dak li qed jiġri fil-Libja, kemm fuq l-art kif ukoll fil-kosta.

Anki l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Malti qiegħed iżomm lilu nnifsu
aġġornat dwar dan il-kunflitt intern imdemmi fil-Libja.

Il-Gvern Malti qiegħed isegwi wkoll kif fid-dawl ta’ dan il-kunflitt
fil-Libja, il-pajjiż ġar tagħna l-Italja u Franza, it-tnejn membri fl-UE,  qed jesprimu differenzi ċari dwar kif
għandhom iwieġbu għal din  is-sitwazzjoni
perikoluża li qed tkompli temerġi minn siegħa għall-oħra.

Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Malti qiegħed isegwi wkoll
il-battibekki bejn l-Italja u Franza fid-dawl li Franza qed tkun akkużata
b’rabtiet mar-ribelli ta’ Khalifa Haftar.

F’dan ix-xenarju kollu l-MSS qed issegwi wkoll dak li qed
jiġri lokalment fejn Libjani perikolużi faċilment jaħarbu lejn pajjiżna tramite
pajjiżi bħat-Tuneżija u jiġu jissetiljaw hawnhekk sakemm il-qiegħa sħuna
fil-Libja forsi tikkalma xi ftit.

The post Ir-Russja ffastidjata li ma tħallietx tuża l-ispazju tal-ajru Malti appeared first on NETnews.

L-artikolu oriġinali jinstab fuq is-sit Net News

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here